Malta ma implimentatx id-Direttiva kollha – KE

Il-Kummissjoni Ewropea sabet li Malta naqset milli timplimenta r-4 direttiva kontra l-ħasil tal-flus kollha. Il-KE bgħatet opinjoni uffiċjali fejn fejn qalet li t-traspożizzjoni tad-Direttiva ma saritx kollha.

Il-Kummissjoni saħqet li r-regoli kontra l-ħasil tal-flus huma kruċjali speċjalment fid-dawl tal-isklandli bħal Panama Papers li t-tagħlima li ħarġet minnhom kienet li hemm bżonn ta’ iktar regoli stretti.

Ir-raba’ direttiva kontra l-ħasil tal-flus kellha tiġi mplimentata sa 26 ta’ Ġunju 2017. Filwaqt li l-ħames direttiva daħlet fis-seħħ fid-9 ta’ Lulju u l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jridu jimplimentaw il-ħames direttiva sal-10 ta’ Jannar 2020.

F’każ li Malta tonqos milli tirranġa liġi nazzjonali skont kif inhu mitlub fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni Ewropea tista’ tirreferi l-każ lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

Intant, il-Ministeru tal-Finanzi qal li rikonoxxa dak li qalet il-Kummissjoni filwaqt li laqa’ s-suġġerimenti biex it-test użat fit-traspożizzjoni tad-Direttiva jittejjeb.

L-istqarrija kompliet tgħid li uffiċjali legali Maltin se jidħlu f’diskussjonijiet tekniċi mat-tim legali tal-Kummissjoni.