“Malta m’għandiex iċċedi mid-drittijiet tagħha dwar l-immigrazzjoni” – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li sakemm Malta tibqa’ tosserva l-liġi internazzjonali, il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jappoġġa lill-Gvern Malti.

Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista mhu se jippermetti qatt li pajjiżi oħra jagħmlu pressjoni fuq Malta biex iċċedi d-drittijiet tagħha li tikseb matul is-snin.

Waqt li tkellem dwar l-ekonomija, Delia qal li jeħtieġ pjan fit-tul dwar il-ħaddiema barranin li qed jaħdmu f’pajjiżna u l-effetti li dawn qed ikollhom fuq diversi setturi tal-pajjiż.

Huwa kompla jgħid li f’Malta rridu ħaddiema ta’ kwalita’ li joffru valur miżjud u mhux ħaddiema li dak li jaqilgħu jibagħtuh lura f’pajjiżhom. Bl-istess mod, Malta għandha jkollha turizmu ta’ kwalita’ u mhux turiżmu tal-massa li jirifsu fuq xulxin.

Fuq intervent fuq Radio 101, Delia qal li huwa fetaħ il-bibien tal-Partit Nazzjonalista lin-nassaba fid-dawl tal-aħħar sentenza inappellabbli mill-qorti ewropea. Huwa ammetta li numru kbir ta’ nassaba telqu lill-partit u issa hu jrid jmur għandhom u jidħol għalihom f’dan il-mument diffiċċli.

Delia qal li l-Gvern m’għandux strateġija għal Air Malta tant li l-Ministru Konrad Mizzi xtara arjuplan fuq l-internet waqt li l-Partit Nazzjonalista għandu pjan għal tletin sena li ġejjin.

Delia qal li propju sena ilu illum daħal għal dak li hu ddeskriva bħala l-aktar vjaġġ diffiċli għalih. Filwaqt li ammetta li kienet sena diffiċli għalih u għal familja tiegħu qal li għamel dan il-pass għax kien imdejjaq bid-direzzjoni li qagħad pajjiżna.

Il-Partit Laburista b’reazzjoni għal dak li qal dalgħodu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, akkuża lil Delia b’nuqqas ta’ proposti filwaqt li qal li Delia qed jitkellem bħal l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.