Malta lura fl-indiċi tal-ħelsien tal-midja għar-4 sena konsekuttiva

Malta kompliet sejra lura fl-indiċi tal-ħelsien tal-midja tal-RSF għar-raba’ sena konsekuttiva.

L-għaqda Reporters Without Borders (RSF) ippubblikat l-indiċi annwali tagħha li jkopri 180 pajjiż. Din is-sena Malta kklassifikat fil-81 post – l-agħar riżultat li qatt kisbet minn kemm ilha tiġi kklassifat fl-indiċi fl-2013. Mis-sena l-oħra l’hawn Malta waqgħet erba’ postijiet.

RSF

L-għaqda qalet li flimkien mal-kamra tal-aħbarijiet The Shift News kixfet uffiċjali tal-gvern li kienu qed jippruvaw jiskreditaw ġurnalisti li qed jiktbu dwar il-korruzzjoni tal-Gvern Laburista.

L-RSF qalet li l-midja f’Malta għadha ddominata mill-midja taż-żewġ partiti l-kbar li jwassal għall-propoganda u għad-diżinformazzjoni.

L-għaqda RSF irreferiet għall-inkjesta pubblika li qed issir dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Qalet li l-inkjesta qed turi stampa ta’ indħil politiku intiż biex jiġu mfixkla l-investigazzjonijiet u biex it-tort ma jintefax fuq dawk fl-ogħla pożizzjonijiet tal-Gvern.