Filmat: Malta lesta tilqa’ immigranti, tistenna l-istess għajnuna f’każ ta’ bżonn – il-PM

Malta se tilqa’ immigranti mill-Italja u mill-Greċja ladarba s’issa mhix f’sitwazzjoni ta’ kriżi, imma tistenna li l-mekkaniżmu propost mill-Kummissjoni Ewropea jidħol fis-seħħ mill-ewwel f’każ li fil-pajjiż jiddaħħlu ftit mijiet ta’ immigranti u mill-ewwel tinbidel is-sitwazzjoni fil-pajjiż.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat wassal dan il-messaġġ waqt konferenza f’Berlin, tal-Partit Soċjal Demokratiku, hekk kif iddeskriva l-pjan tal-Kummissjoni Ewropea bħala pass fid-direzzjoni t-tajba.
Qal li ħasra li dan ma wasalx meta Malta kienet tinsab f’sitwazzjoni iktar kritika imma Malta temmen fis-solidarjetà bil-provi.
Il-Prim Ministru tenna li fejn l-Ewropa kienet pronta tintervjeni biex issalva l-banek, sa ftit ilu ma kinitx pronta bl-istess mod biex issalva l-bnedmin. Imma wara t-traġedja ta’ mijiet li għerqu fil-Mediterran, u l-funeral ta’ immigranti f’Malta, kien hemm bidla fil-mod ta’ kif jiġi ttrattat dan il-qasam.
Fakkar li Malta hi l-uniku pajjiż fl-UE li qed tiddedika 100% tar-riżorsi militari tagħha għall-ħidma ta’ tiftix u salvataġġ, u li fil-pajjiż se jiltaqgħu mexxejja ta’ pajjiżi Afrikani u Ewropej bit-tama ta’ diskussjoni anke mal-pajjiżi minn fejn jgħaddu l-immigranti.
Il-Prim Ministru tenna l-importanza li tiġi indirizzata l-kwistjoni ta’ stabilità fil-Libja bil-għan li jintilfu inqas ħajjiet.
F’laqgħat iktar tard, il-Prim Ministru ltaqa’ mal-Viċi Kanċillier u Ministru tal-Ekonomija tal-Ġermanja Sigmar Gabriel, li hu wkoll il-President tal-Partit Soċjal Demokratiku, u mal-Ministru tal-Immigrazzjoni u Integrazzjoni Aydan Özoguz. 
Ritratti: DOI – Omar Camilleri