Malta l-uniku pajjiż li ma laħaqx il-miri ambjentali għal 4 snin sħaħ

Malta hija l-unika pajjiż tal-Unjoni Ewropea li l-emissjonijiet tal-gassijiet serra baqgħu ħafna ogħla mill-mira li suppost laħqet biex tnaqqashom. Il-mira ilha taqbiżha mill-2013 s’issa.

Dan ġie ppubblikat f’rapport mill-Unjoni Ewropea, partikolarment mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, li jiddiskuti l-miri għall-ambjent tal-istati membri.

Fl-2016, l-emissjonijiet qabżu l-mira b’15%. Stati membri oħra li qabżu l-mira tal-2016 qabżu l-mira bi 3.1% biss bħala l-ikbar ammont.  Skont riċerka preliminari, Malta qabżet il-mira fl-2017 ukoll. Minħabba dan kollu, Malta se jkollha tħallas tal-emissjonijiet żejda.

Bħalissa, Malta qiegħda f’riskju li taqbeż il-miri għal ambjent aħjar tal-2020. Għadha fiċ-ċans li żżid l-isforzi nazzjonali biex tilħaq il-miri, iżda huwa żgur li se jkollha bżonn l-għajnuna. Fl- 2013, 2014 u 2015, kienet xtrat il-miri żejda li kienu laħqu l-Bulgarija, u jidher li se jerġa’ jkollha tagħmel l-istess. Ir-rapport jiddiskuti li r-raġuni għaż-żieda fl-emissjonijiet jaf għandha x’taqsam maż-żieda fit-turiżmu fuq gżira zgħira, kif ukoll fiż-żieda ta’ sistemi t’arja kundizzjonata minħabba s-sħana.