Malta l-unika pajjiż b’aġenzija tal-UE b’riżultat negattiv

EASO

Malta kienet l-unika pajjiż fl-Unjoni Ewropea (UE) li kellha aġenzija Ewropea li rċeviet riżultat negattiv dwar il-pagamenti.

Fi stqarrija, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (ECA) qalet li fir-rigward tal-pagamenti sottostanti, ħarġet opinjoni favorevoli għall-aġenziji kollha, ħlief għal waħda – l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) – li għaliha identifikat għadd ta’ problemi.  Min-naħa l-oħra, iċċertifikat il-kontijiet għall-2017 tal-41 aġenzija u ħarġet opinjonijiet favorevoli dwar id-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet tal-aġenziji.

Sitwazzjoni kritika

Fir-rapport tagħha, l-ECA qalet li ġibdet l-attenzjoni tal-EASOgħall-fatt li s-sitwazzjoni kritika tar-riżorsi umani fl-Uffiċċju ddeterjorat b’mod esponenzjali.”

“Attwalment, l-Uffiċċju ma għandux il-kapaċità amministrattiva biex jimla l-għadd kbir ta’ postijiet battala. B’mod ġenerali, din is-sitwazzjoni tikkawża riskju sinifikanti għall-kontinwazzjoni tal-operazzjonijiet tal-Uffiċċju fil-livell attwali.”

L-awdituri qalu li hemm każijiet fejn il-pagamenti, b’mod materjali u sistematiku, ma jikkonformawx mar-regoli. Spjegaw li mhemmx kontrolli interni adegwati. “L-ammont ikkombinat għall-iżbalji li jirriżultaw minn pagamenti li mhumiex konformi jitla’ għal mill-inqas €7.7 miljun jew 10.3 % tal-pagamenti totali li saru mill-Uffiċċju fl-2017.”

Tkabbir fil-kwartieri tal-EASO

Fi stqarrija maħruġa llum, l-EASO qalet li ffirmat ftehim illum mal-awtoritajiet Maltin biex tkakkbar il-kwartieri tagħha bi tliet darbiet. Se tkun qed tokkupa bini li kien jintuża mit-Transport Malta.

Il-ftehim huwa validu għal 9 snin u jista’ jiġi estiż. L-EASO bħalissa timpjega 220 ruħ li se jiżdiedu għal 500 sal-aħħar tal-2020.