Malta l-iktar pajjiż fl-UE li rċieva talbiet għal residenza

Minn 28 pajjiż tal-UE, Malta hi l-pajjiż li l-iktar ħareġ permess ta’ residenza għall-persuni li ġejjin minn barra l-UE. Dan meta mqabbel mal-għadd tal-popolazzjoni fil-pajjiż.
Wara Malta, bir-rata ta’ 24.1, it-tieni l-iktar pajjiż hu Ċipru li madankollu ħareġ kważi nofs ir-rata ta’ permessi li ħarġet Malta – jiġifieri 13.3 għal kull elf resident fil-pajjiż.
Skont il-Eurostat, fl-2013 it-28 pajjiż membru tal-UE laqgħu 2,357,583 persuna li ġejjin minn barra l-UE. Dan ifisser żieda ta’ 12.5% meta mqabbel mal-2012, imma tnaqqis ta’ 7% meta mqabbel mal-2008.
Il-parti l-kbira tagħhom talbu permess ta' residenza biex jingħaqdu ma’ membri oħra tal-familja (27.1%), għal raġunijiet umanitarji (25.8%) u għal raġunijiet ta' xogħol (25.6%). L-inqas, biex ikomplu bl-edukazzjoni tagħhom (21.5%).
Dawn l-immigranti huma l-iktar mill-Ukrajna, mill-Indja u mill-Istati Uniti.
Forsi kuntrarju għall-perċezzjoni ta’ ħafna, fil-lista tal-għaxar l-iktar pajjiżi li minnhom ġejjin dawn il-persuni fl-UE kollha, ma jidħol ebda pajjiż mill-Afrika, għalkemm il-Libja hi l-iktar pajjiż li kellu ċittadini tiegħu li talbu residenza f’Malta (17.6% tat-talbiet f'Malta).
Anke pajjiżi oħra fil-Mediterran, jiġifieri l-Italja, Franza u Spanja, kif ukoll il-Belġju, kellhom l-iktar talbiet ġejjin minn pajjiżi tal-kosta tal-Afrika ta’ Fuq, b’mod speċifiku mill-Marokk u mill-Alġerija, waqt li l-Iżvezja kellha l-iktar għadd ta’ talbiet ġejjin minn ċittadini Sirjani.