Malta l-ewwel stat barrani li se tarma l-presepju fil-Vatikan

Malta se tkun l-ewwel pajjiż barrani li se tarma l-presepju tradizzjonali fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan.
Filfatt ġiet imnedija sejħa għall-proposti għad-disinn u l-kostruzzjoni ta’ presepju tradizzjonali Malti għall-Milied tas-sena li ġejja.
Il-presepju se jkun esebit minn Diċembru 2016 sa Frar 2017 fi Pjazza San Pietru maġenb is-siġra tal-Milied. Kull sena, il-Papa, jinżel għal ftit tal-ħin jitlob u jżur il-presepju.
Fis-sejħa, waħda mill-kundizzjonijiet hija li l-presepju jkun jirrifletti t-tradizzjonijiet lokali.
Wara Frar 2017, il-presespju jsir propjetà tal-Gvern u jinġieb Malta biex ikun esebit fi spazju pubbliku matul il-perjodu tal-Milied.
Għaddejin ukoll diskussjonijiet mas-Santa Sede, bejn il-Gvern u l-Kurja, biex din l-inizzjattiva tkun ikkumplimentata b’kunċert ta’ mużika sagra fil-Belt tal-Vatikan mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta.
Il-proposti għad-disinn u l-kostruzzjoni tal-presepju fetħu lbieraħ u jagħlqu nhar l-Erbgħa 30 ta’ Diċembru 2015 fit-3:00pm, fl-Uffiċċju Ċentrali ta’ Heritage Malta, bini tal-ex-Sptar Navali, Triq il-Marina, Bighi, Kalkara 
Aktar tagħrif jista’ jinkiseb minn www.heritagemalta.org/presepju jew billi tintbagħat e-mail fuq: tenders.heritagemalta@gov.mt