Malta ‘l bogħod milli tiżgura soċjetà bla fastidju jew vjolenza fuq in-nisa – Aditus

L-Aditus sostniet li l-kummenti li qalu lil xulxin żewġ deputati fil-Parlament hija offiża lill-pajjiż kollu filwaqt li turi n-nuqqas ta’ kontabbilità fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.
Fi stqarrija, l-Aditus enfasizzat li dan il-każ juri kif Malta tinsab ferm ‘il bogħod milli tiżgura soċjetà bla fastidju jew vjolenza fuq in-nisa.
L-NGO tinsab imħassba wkoll fuq il-mod kif il-membri Parlamentari jistgħu jaddottaw lingwaġġ li huwa totalment inaċċettabbli u lil hinn minn kull privileġġ Parlamentari.
Fl-istqarrija, l-Aditus jagħmlu referenza għar-rapport tal-2011 tal-Kummissjoni għall-Vjolenza Domestika li uriet kif waħda minn kull erba’ nisa għaddew minn xi forma ta’ vjolenza jew abbuż.
Intqal li l-eżempju fil-Kamra tar-Rappreżentanti, fejn deputata ġiet ibbuljata quddiem il-pajjiż kollu huwa ta’ tħassib kbir, b’mod speċjali fiż-żmien meta Malta se tospita l-laqgħat taċ-CHOGM, fejn jiġu dikussi d-drittijiet tal-bniedem u t-tmexxija tajba.