Malta l-aħħar fl-UE għall-ugwaljanza bejn is-sessi

Malta tinsab fil-104 post fost 145 pajjiż fl-indiċi tal-2015 fl-ugwaljanza bejn is-sessi, b’0.668 u b’hekk tinsab qabel l-Armenja u wara l-Belize.
Malta ġiet ikklassifikata wkoll l-aħħar f’post it-28 pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea f’dawn l-indiċi tal-World Economic Forum.
Ir-rapport għal din is-sena, jgħid li Malta qed tilħaq miri importanti biex tonqos id-differenza bejn is-sessi fil-qasam edukattiv, b’mod speċjali fl-edukazzjoni Sekondarja u Terzjarja kif ukoll il-litteriżmu.
Malta kisbet ukoll miri importanti fl-aċċess għas-saħħa ugwali bejn l-irġiel u n-nisa biex aktar nisa qed jgħixu fit-tul.
Il-World Economic Forum iżda jirrimarka fuq in-numru żgħir ta’ Parlamentari nisa, b’mod speċjali f’karigi Ministerjali.
Din ir-rimarka ssir ukoll dwar in-numru żgħir ta’ nisa f’pożizzjonijiet għolja fis-soċjetà bħalma huma l-leġiżlaturi, l-uffiċjali għolja u d-diretturi.
Mir-rapport għall-2015, jirriżulta li qed tikber il-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol, l-aktar fis-settur tal-ħaddiema tekniċi u professjonisti.
Fil-konklużjonijiet tar-rapport, il-Forum irrimarka li matul dawn l-aħħar 10 snin, id-differenza fil-paga bejn l-irġiel u n-nisa baqgħet ma ġietx indirizzata b’determinazzjoni, bil-paga medja tan-nisa baqgħet simili għal dik li kienet fl-2006.
Jingħad li b’din ir-rata biex in-nisa jibdew jaqilgħu paga daqs tal-irġiel għall-istess xogħol li jagħmlu jridu jgħaddu 118-il sena oħra.
Dwar id-differenza fil-pagi iżda Malta tinsab aħjar mill-medja tal-Unjoni Ewropea u aħjar minn pajjiżi ferm ikbar bħall-Ġermanja.
Ix-xahar li għadda, il-Parlament Ewropew approva rapport imressaq mill-Ewroparlamentari Slovakka Anna Zaborska biex il-Kummissjoni Ewropea tipproponi liġijiet ġodda sabiex tonqos l-inugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fuq il-post tax-xogħol.
Fl-ewwel post fl-inċidi tal-World Economic Forum hemm l-Iżlanda b’0.88, bil-pajjiżi Skandinavi, n-Norveġja, il-Finlandja u l-Iżvezja jaslu fit-tieni, t-tielet u r-raba’ post rispettivament.
L-akbar tliet ekonomiji tad-dinja, l-Istati Uniti, iċ-Ċina u l-Ġappun waslu fit-28 post, il-91 post u l-101 post rispettivament. Fl-aħħar post hemm il-Jemen.