Malta l-agħar fl-UE għal kemm hi soda l-provvista tal-elettriku – il-Bank Dinji

Malta hija l-agħar pajjiż fl-UE flimkien mal-Bulgarija għall-indiċi ta’ kemm hi soda l-provvista tal-elettriku fil-pajjiż. Dan skont informazzjoni mill-Bank Dinji.

Fl-indiċi tar-reliability of supply u t-trasparenza tat-tariffi, Malta ġabet riżultat ta’ 6 flimkien mal-Bulgarija. Il-pajjiżi kollha l-oħra tal-UE ġabu riżultat ta’ 7 jew 8. Il-medja tal-Ewropa u l-Asja Ċentrali kienet ta’ 6.2, jiġiferi Malta għandha riżultat agħar minn dan.

Fuq skala dinjija hemm għadd ta’ pajjiżi li ġabu marka ta’ żero fosthom l-Afghanistan, il-Libja, u l-Iraq. L-ogħla riżultat fid-dinja kien ta’ 8 – marka li ġabuha diversi pajjiżi fosthom il-Ġermanja, Franza, u l-Ġappun.

Skont ir-rapport Doing Business 2020 tal-World Bank Group, f’Malta wieħed idum aktar jiem biex jakkwista l-elettriku milli fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta’ Fuq.

Instab ukoll li l-Enemalta ma tħallasx kumpens lill-konsumaturi jekk il-qtugħ tad-dawl jaqbeż ċertu ammont.

Il-qtugħ ta’ dawl tefa’ lil Malta ħames snin lura skont il-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji (GRTU).

Wara li għadd ta’ persuni qalu li reġgħu spiċċaw bla elettriku għal xi ħin ilbieraħ, l-Enemalta plc qalet li l-qtugħ ta’ dawl ma damx akta minn 10 minuti fil-maġġorparti tal-lokalitajiet.

L-Enemalta għandha tħallas għat-telf li qed jinħoloq minħabba s-serje ta’ episodji ta’ qtugħ tad-dawl skont l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA).