Malta kkritikata għall-forza użata kontra l-immigranti f’detenzjoni

Kumitat tan-Nazzjonijiet Magħquda għad-drittijiet ċivili kellu kliem iebes għal Malta, b’mod partikolari għall-użu ta’ forza minn membri tal-ordni fil-konfront ta’ immigranti f’detenzjoni.
Id-drittijiet ċivili u politiċi f’Malta qed jiġu analizzati fuq jumejn hekk kif in-Nazzjonijiet Magħquda poġġiet taħt skrutinju lil sitt pajjiżi.
Il-Kumitat irrefera għal għadd ta’ episodji, fosthom l-irvellijiet tal-2011, l-2012 u iktar kmieni din is-sena f'ċentri ta' detenzjoni, u staqsew kif l-awtoritajiet Maltin jiġġustifikaw l-użu ta’ gass tad-dmugħ jew bullets tal-gomma kontra l-immigranti.
Issemmew il-każijiet tal-mewt ta’ żewġ immigranti wara li ġew imsawta fl-2011 u fl-2012 u ġew mitluba r-riżultati tal-investigazzjonijiet li saru u x’tip ta’ azzjonijiet dixxiplinari ttieħdu kontra min uża l-vjolenza.
Il-Kumitat sostna li d-detenzjoni ma tistax taqbeż il-perjodu ta’ 18-il xahar u kkritika lil Malta talli fl-2010 reġgħet bagħtet lura grupp ta’ immigranti mingħajr ma pproċessat l-applikazzjoni tagħhom għal stat ta’ refuġjat, u talli s-sena li għaddiet riedet tagħmel l-istess ħaġa.
Malta ġiet ukoll ikkritikata għall-fatt li l-abort mhu permess taħt l-ebda ċirkostanza.
Ġiet mistoqsija wkoll dwar meta l-pajjiż se jdaħħal il-Pjan Nazzjonali kontra r-Razziżmu u x-Xenofobija, kif ukoll dwar x’miżuri għandu l-pajjiż biex jiġġieled kontra l-bullying u l-fastidju li jsofru fl-iskejjel, tfal b’orjentazzjoni omosesswali.