Malta post aħjar fl-Indiċi tal-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni

Malta telgħet post fl-Indiċi tal-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni li Transparency International taġġorna kull sena, biex issa qiegħda fis-46 post minn 180 pajjiż.
Il-lista tinħareġ kull sena, bl-ewwel pajjiż ikun dak fejn hemm l-anqas perċezzjoni ta’ korruzzjoni.
Is-sena l-oħra Malta kienet ikklassifikat fis-47 post minn 177 pajjiż, u dakinhar kienet ġabet 55 punt, filwaqt li issa ġabet 56 punt.
Dakinhar kienet niżlet 10 postijiet, u l-aktar minħabba r-rivelazzjonijiet fil-Panama Papers.
“L-analiżi turi li l-ġurnalisti qed jirriskjaw ħajjithom kuljum”
Sadanittant, Transparency qalet li mill-analiżi li għamlet, il-maġġoranza tal-pajjiżi għamlu ftit li xejn progress biex inaqqsu jew jeliminaw il-korruzzjoni, u li l-ġurnalisti u l-attivisti qed jibqgħu jirriskjaw ħajjithom meta jiftħu ħalqhom.
Aktar minn żewġ terzi tal-pajjiżi msemmija ġabu anqas minn 50 punt, filwaqt li l-punteġġ medju hu ta’ 43, jiġifieri anqas min-nofs fl-iskala ta’ bejn xejn u mija.
Fil-fatt il-koalizzjoni globali kontra l-korruzzjoni sostniet li dan ir-riżultat fqir mhu xejn ġdid meta tqabblu ma’ dawk tas-snin ta’ qabel.
Sabiex tasal għal skor, Transparency International titkellem ma’ esperti fil-qasam, imma anki ma’ persuni tan-negozju.
Fuq quddiem nett tal-klassifika ġew New Zealand, id-Danimarka u l-Finlandja, u fl-aħħar tliet postijiet is-Sirja, is-Sudan t’Isfel s-Somalja
Il-pajjiżi bl-inqas protezzjoni lill-ġurnalisti bl-ogħla perċezzjoni ta' korruzzjoni
Instab ukoll li dawk il-pajjiżi fejn ġie rrappurtat li m’hemmx biżżejjed protezzjoni għall-ġurnalisti u l-għaqdiet mhux ġovernattivi, huma wkoll pajjiżi li ġabu l-inqas punteġġ fil-perċezzjoni tal-korruzzjoni.
L-analiżi, li tinkludi wkoll informazzjoni mill-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti, turi li fl-aħħar sitt snin inqatlu aktar minn 9 persuni minn kull 10 f’pajjiżi fejn ġabu 45 punt jew anqas.
F'Ottubru li għadda, il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia nqatlet b'bomba li tpoġġiet mal-karozza tagħha.
L-organizzazzjoni tirrimarka li mill-2012 kien hemm bosta pajjiżi li stinkaw biex itejbu l-iskor tagħhom, fosthom il-Kosta tal-Ivorju, is-Senegal u r-Renju Unit.
Madankollu oħrajn marru għall-agħar, fosthom is-Sirja, il-Jemen u l-Awstralja.
Malta kienet dehret għall-ewwel darba f’din il-lista fl-2014, meta kklassifikat fil-25 post, li jibqa’ l-aqwa post li kienet fih, jiġifieri kien hemm l-inqas perċezzjoni ta’ korruzzjoni fil-pajjiż.