Malta kisret id-drittijiet ta’ priġunier – il-Qorti Ewropea

Priġunier fetaħ każ quddiem il-Qort Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR) fejn saħaq li d-drittijiet tiegħu kienu qed jiġu miksura fil-ħabs minħabba l-kundizzjonijiet li qed jinżamm fihom u mingħajr ma kien hemm rimedju effettiv.

Il-Qorti Ewropea qalet li kien hemm  ksur tal-artiklu 13 li jgħid, ‘Kull min ikollu miksura d-drittijiet u l-libertajiet tiegħu kontemplati f’din il-Konvenzjoni għandu jkollu rimedju effettiv quddiem awtorità nazzjonali għalkemm dak il-ksur ikun sar minn persuni li jkunu qed jaġixxu f’kariga uffiċjali.’ Għalhekk il-qorti ordnat li l-Istat Malti għandu jagħti s-somma ta’ €5000 fi żmien tliet xhur lill-priġunier.

Huwa kien instab ħati ta’ traffikar tad-droga u weħel 16-il sena priġunerija kif ukoll  multa ta’ €40,000. Huwa kien għadda ġuri fejn instab ħati li traffika d-droga eroina, prova jikkorrompai uffiċċjal tal-immigrazzjoni u kellu fil-pussess tiegħu għasafar u rettili protetti.

Il-priġunier qal li hu kien f’diversi ċelel ġewwa l-ħabs u kellu diversi esperjenzi fosthom: kamra żgħira li fiha kien qed iħossu klawstrofobiku, ikel li mhuwiex sustanzzjuż u jiġi servut ġo kaxxi tat-take away, kċina maħmuġa ħafna u anke ġrieden mejta instabu fiha. Il-priġunier fil-kawża tieħu semma wkoll li l-kundizzjonijiet tax-xawers, tat-toilets u n-nuqqas ta’ ilma sħun fix-xitwa. Qal li ta’ġurnata xogħol jitħallsu €15 u hu jonfoq madwar mitt ewro fix-xahar biex jixtri l-affarijiet bażiċi u jħallas l-abbonament tat-televizjoni. Qal li dawn il-kundizzjonijiet huma inumani u kellu trattament degradanti.

Qal ukoll li flimkien ma’ artiklu 13 tad-drittijiet umani ġie miksur artiklu 3 li jgħid, ‘ħadd ma għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal trattament jew piena inumana jew degradanti.’

Fis-sentenza tagħha il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem sabet li kien qed jinkiser artiklu 13. Irreferiet ukoll għal każ ieħor li kien jinvolvi lil Malta u qalet li l-Gvern Malti għandu bżonn jaħdem biex ikun hemm amministrazzjoni xierqa jew rimedju ġudizzjarju, li jkun jista’ jindirizza dawn l-ilmenti u fejn jista’ jipprevjeni li jkun hemm kontinwazzjoni ta’ dawn is-sitwazzjonijiet. Qalet li s’issa għad m’hemmx rimedju għal din is-sitwazzjoni.

Il-Qorti Ewropea madanakollu qalet li l-priġunier fil-ħabs, ma kienx suġġett għal-tensjoni jew tbatija li teċċedi l-livelli invevitabbli.