Malta kif qed tiġġieled kontra l-coronavirus?

Medical staff wearing protective masks, glasses and suits treat patients suffering from coronavirus disease (COVID-19) in an intensive care unit at the Oglio Po hospital in Cremona
REUTERS/Flavio Lo Scalzo

Fil-ġlieda ta’ Malta kontra l-coronavirus, hemm erba’ pilastri, qal il-Gvern.

S’issa saru kważi 1,200 swab. Fl-entratura tal-Mater Dei saru 785 swab u kollha kienu negattivi. F’Malta s’issa hawn 53 każ, uħud minnhom trażmessi lokalment. Żewġ persuni fiequ peress li sarulhom żewġ testijiet f’24 siegħa u t-tnejn irriżultaw fin-negattiv.

Il-pilastri huma:

  • Li jsiru aktar testijiet fuq in-nies biex titrażżan il-firxa tal-virus;
  • Tisħiħ tal-faċilitajiet f’Mater Dei fejn issa nfetaħ laboratorju ieħor biex ilaħħaq maż-żieda fit-testijiet;
  • Aktar sodod u swali tal-ITU biex jilqgħu għall-eventwalità ta’ żieda fil-każijiet mistennija tal-coronavirus;
  • Ħarsien tal-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa bi lbies protettiv u b’aktar taħriġ.

F’aġġornament fuq il-coronavirus mibgħut lill-midja, il-Gvern assigura lill-poplu, “Is-sies tal-istrateġija jibqa’ f’idejna. Nevitaw il-folol; ma noħorġux ta’ xejn minn darna u naħslu jdejna ta’ spiss. Min iħoss is-sintomi tal-Covid-19, iċempel 111. Flimkien naslu.”

Ilbieraħ il-President għadda l-ewwel messaġġ tiegħu lin-nazzjon li fih ukoll wera determinazzjoni. Il-President George Vella appella għall-għaqal u t-tama, u fakkar li bl-għaqda l-poplu dejjem għelbet is-saram. Huwa ħeġġeġ biex kulħadd ikun responsabbli u biex bla eċċezzjoni jitħarsu d-direttivi tal-awtoritajiet politiċi u tas-saħħa għall-ġid tal-poplu kollu.

Għall-Maltin maqbudin barra

Il-Gvern qed jipprova jgħin lill-Maltin jew persuni residenti Malta li nqabdu barra l-pajjiż peress li se jieqfu t-titjiriet kollha lejn Malta f’nofsillejl ta’ bejn il-Ġimgħa 20 u s-Sibt 21 ta’ Marzu.

Dawk li mhux se jirnexxilhom jaslu Malta sa dakinhar għandhom iċemplu minnufih fuq 2204 2200 jew jibagħtu email lil sitcen.mfea@gov.mt. Dawk li ġejjin lura minn pajjiżi mhux fl-Unjoni Ewropea għalissa għandhom jgħaddu minn Londra jew Frankfurt.

11-il multa talli kisru l-kwarantina

Komplew l-ispezzjonijiet fuq dawk fi kwarantina obbligatorja. Ilbieraħ saru 240 spezzjoni filwaqt li nstabu żewġ persuni li kisru l-kwarantina. Minn mindu bdew l-ispezzjonijiet fit-13 ta’ Marzu, saru 1,205 spezzjonijiet. S’issa l-awtoritajiet ħarġu 11-il multa peress li persuna oħra nstabet tikser ir-regoli tal-kwarantina mandatorja aktar minn darba. Fost dawk li nqabdu jiksru l-kwarantina hemm barrani li nqabad jikser il-kwarantina 5 darbiet u ġie mmultat €9,000.

Kull min jikser il-kwarantina jeħel multa ta’ €3,000 kull darba li ma jinstabx id-dar. Il-kwarantina hija obbligatorja għal kull min daħal jew se jidħol f’Malta mit-13 ta’ Marzu ’l quddiem. Tapplika wkoll għall-persuni kollha li joqogħdu fir-residenza tal-persuna li tkun ġiet lura minn barra l-pajjiż.

L-istabbilimenti kollha magħluqin

Aħbar pożittiva mħabbra mill-Gvern hija li l-istabbilimenti kollha mxew mar-regoli u baqgħu magħluqin wara li l-Gvern ordna li minn nofsillejl fit-18 ta’ Marzu, l-ebda stabbiliment ta’ ikel u xorb jew gym ma jiftaħ il-bibien tiegħu.

Fl-aħħar 24 siegħa saru aktar minn 500 spezzjoni mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu f’diversi lokalitajiet f’Malta u Għawdex. Stabbilimenti tal-ikel u xorb li jinqabdu jisfidaw ir-regolamenti u jiftħu l-bibien għall-klijenti jeħlu multa ta’ €3,000 għal kull darba li jinqabdu miftuħin.

Tista’ tirrapporta lil min jabbuża fuq in-numru 21692447.

Każijiet tal-coronavirus f’Malta

7 ta Marzu: L-ewwel każ: Tifla Taljana ta’ 12-il sena li tgħix Malta. Hi kienet mal-familja tagħha f’Ruma 

7 ta’ MarzuIt-tieni u t-tielet każ: Il-ġenituri tat-tifla (l-ewwel każ) ġew ukoll ikkonfermati pożittivi għall-coronavirus 

9 ta’ MarzuIr-raba’ każ: Raġel Norveġiż residenti Malta. Kien għall-btala fin-naħa ta’ fuq tal-Italja  

10 ta’ MarzuIl-ħames każ: Bint in-Norveġiż tinstab pożittiva wkoll għal COVID-19 

11 ta’ Marzu: Is-sitt każ: Tabib Malti jirriżulta pożittiv. Kien fuq btala fid-Dolimiti  

11 ta’ MarzuIs-seba’ każ: Mara kkonfermata pożittiva. Kienet fuq btala mat-tabib Malti (sitt każ) 

12 ta’ MarzuIt-tmien u d-disa’ każ: Raġel ta’ 29 sena, barrani li jgħix u jaħdem Malta. Mar il-Belġju u ġie lura fit-8 ta’ Marzu. Mara ta’ 26 sena, barranija wkoll li siefret lejn Berlin u ġiet lura Malta minn Amsterdam fl-10 ta’ Marzu 

13 ta’ Marzu:  Jitħabbru 4 każijiet: 

L-10 każ: Malti ta’ 45 sena li ġie lura minn Munich fis-7 ta’ Marzu. Ħarġulu s-sintomi fil-11 ta’ Marzu: qtugħ ta’ nifs u deni.  

Il-11-il każ: Taljan ta’ 40 sena li jgħix u jaħdem Malta. Mar Pariġi fid-29 ta’ Frar u ġie lura fis-6 ta’ Marzu. Ħarġulu s-sintomi fl-10 ta’ Marzu. 

It-12-il każ: Mara ta’ 30 sena li hi care worker fis-settur tas-saħħa. Mhix infermiera. Hija marret Brussell fil-5 ta’ Marzu u ġiet lura fid-9 ta’ Marzu. Daħlet għax-xogħol fl-10 ta’ Marzu.   

It-13-il każ: It-tfajla Maltija ta’ 19-il sena vvjaġġat lejn Brussell bejn l-4 u t-8 ta’ Marzu. It-tfajla ħasset l-ewwel sintomi tagħha, nhar l-Erbgħa, 11 ta’ Marzu. 

14 ta’ Marzu: Jitħabbru 5 każijiet 

L-14-il każ: Russu li ġie lura Malta mir-Russja fl-4 ta’ Marzu. Ħass is-sintomi fil-11 ta’ Marzu. Hu jgħix ma’ persuna oħra. 

Il-15-il każ: Malti ta’ 33 sena kien Dublin bejn is-7 u l-10 ta’ Marzu. Ħass is-sintomi fid-9 ta’ Marzu. 

Is-16-il każ: Malti ieħor mar Barċellona, bejn is-6 u d-9 ta’ Marzu. Għamel kwarantina f’daru u ħarġulu s-sintomi ftit tal-jiem wara.  

Is-17 u t-18-il każ: Koppja barranija li jgħixu flimkien: Persuna minn Hong Kong u oħra mill-Italja. Kienu msefrin Madrid mis-7 sal-10 ta’ Marzu. It-tnejn jaħdmu ma’ kumpanija privata. 

15 ta’ Marzu: Jitħabbru 3 każijiet:  

Id-19-il każ: Malti ta’ 23 sena li huwa healthcare worker. Mar Dublin is-7 u l-10 Marzu, fil-11 ta’ Marzu beda bis-sintomi.  

L-20 każ: Student Malti ta’ 20 sena li wkoll mar Dublin fl-Irlanda u ġie lura fl-istess titjira. Mar fl-lecture fl-Università.   

Il-21 każ: Portugiż ta’ 21 sena li kien f’Madrid u ġie Malta biex jaħdem. Ġie fl-10 ta’ Marzu flimkien mat-tfajla tiegħu u fit-13 ta’ Marzu bdew is-sintomi.  

16 ta’ Marzu: Jitħabbru 9 każijiet: 

It-22 każ: Maltija ta’ 56 sena li siefret lejn l-Ingilterra bejn il-5 u t-13 ta’ Marzu. Fil-15 ta’ Marzu kellha d-deni, s-sogħla u uġigħ ta’ ras. Hi ma taħdimx. 

It-23 każ: Malti ta’ 34 sena. Dan mar fuq btala ma’ persuni oħra li siefru lejn Barċellona. Kien imsiefer bejn is-6 u d-9 ta’ Marzu. Fl-14 ta’ Marzu kellu sintomi ta’ sogħla u deni ħafif. 

L-24 każ: Spanjol ta’ 15-il sena. Kien sejjer lura lejn pajjiżu meta ħassu ma jiflaħx waqt li kien fl-ajruport. 

Il-25 każ: Taljana ta’ 49 sena li tgħix Malta. Din ma sifritx imma kellha kuntatt fil-qrib mar-raġel tagħha. Ir-raġel kien siefer lejn Ruma u Montenegro. 

Is-26 każ: Ingliż ta’ 32 sena li jgħix Malta. Ġie lura mill-Ingilterra fit-13 ta’ Marzu u l-għada żviluppawlu s-sintomi. 

Is-27 każ: Malti ta’ 19-il sena li marad wara li siefer lejn Dublin. Kien imsiefer ma’ grupp li fih kien hemm xi ħaddieħor li marad bil-coronavirus. Kienu msefrin bejn il-5 u l-10 ta’ Marzu. 

It-28 każ: Professjonist tas-Saħħa ta’ 36 sena. Kellu s-sintomi fl-14 ta’ Marzu. Hu mar għax-xogħol, però kellu kuntatt minimu mal-pazjenti. 

Id-29 każ: Healthcare worker ta’ 23 sena. Ħarġulha s-sintomi fit-13 ta’ Marzu. Kienet fi kwarantina. 

It-30 każ: Professjonist tas-saħħa ħasset is-sintomi fl-14 ta’ Marzu. Hi ma kinitx imsiefra. L-awtoritajiet jemmnu li din il-persuna seta’ kellha żewġ sorsi ta’ infezzjoni. 

17 ta’ Marzu: Jitħabbru 8 każijiet: 

Il-31 każ: Tifel Malti ta’ 3 snin. Kien f’kuntatt ma’ wieħed mill-persuni infettati. Ħass is-sintomi fil-15 ta’ Marzu.  

It-32 u t-33 każ: Familja Taljana li tgħix Malta. Il-missier kien pożittiv u issa nstabu pożittivi wkoll l-omm u t-tifel ta’ 15-il sena. 

L-34 każ: Ingliża ta’ 29 sena li tgħix Malta. Ma kinitx imfsiefra, imma fil-5 ta’ Marzu daħlet l-Isptar Mater Dei bi ksur. Fit-13 ta’ Marzu ħarġulha problemi respiratorji. Jidher kien hemm kuntatt żgħir ma’ healthcare worker li kien pożittiv. 

Il-35 każ: Maltija ta’ 26 sena. Ġiet lura mill-Ingilterra fit-13 ta’ Marzu. Fl-14 ta’ Marzu bdiet tħoss is-sintomi.  

Is-36 każ: Malti ta’ 28 sena. Ma kienx imsiefer, imma l-post fejn jaħdem hemm nies li kienu msefrin. Kellu kuntatt ma’ persuna li kienet Sqallija. Is-sintomi ħarġu fil-15 ta’ Marzu.  

Is-37 każ: Malti ta’ 62 li ġie mill-Ingilterra fuq l-istess titjira tal-35 każ. Is-sintomi ħarġu fil-15 ta’ Marzu. 

It-38 każ: Malti ta’ 52 sena. Ma sifirx u ma kellux kuntatti ma’ nies li siefru u kienu sintomatiċi. Hu jaħdem f’kumpanija privata. Possibiltà li laqqat il-virus mill-gym f’kuntatt ma’ persuna oħra hemmhekk.  

18 ta’ Marzu: Jitħabbru 10 każijiet: 

Id-39 każ: Malti ta’ 70 sena.  Beda bis-sintomi fid-9 ta’ Marzu – griżmejh juġgħuh, sogħla u deni. Jinsab fi stat ta’ saħħa tajba.  Sa issa ma nstabx minn fejn ħa l-infezzjoni. Ma kienx imsiefer barra. 

L-40 u l-41 każ: Żewġ nisa: 26 u 27 sena. Kienu btala l-Ġermanja u l-Polonja. Ġew lura fil-11 ta’ Marzu minn Berlin u qagħdu kwarantina. Fid-9 ta’ Marzu ħarġulhom is-sintomi. 

It-42 u t-43 każ: Koppja Taljana, residenti Malta, it-tnejn ta’ 43 sena. Ma kinux imsefrin, imma kellhom kuntatt ma’ wieħed mill-każi li ħareġ pożittiv, u li kien espost fuq il-post tax-xogħol. Bdew bis-sintomi fit-12 ta’ Marzu. 

L-44 każ: Mara Maltija ta’ 48 sena. Kienet Londra, ġiet lura fis-7 ta’ Marzu. Bdiet bis-sintomi fis-17 ta’ Marzu. 

Il-45 u s-46 każ: Raġel ta’ 57 sena f’sala fl-Isptar Mater Dei u raġel ieħor ta’ 73 sena f’sala oħra fl-isptar instabu pożittivi. Dan wara l-każ ta’ Ingliża li tħabbar ilbieraħ. Is-swali ngħalqu u qed isiru testijiet fuq pazjenti oħra. 

Is-47 każ: Malti ta’ 37 sena kellu kuntatt ma’ barrani li ġie lura mill-Ingilterra fl-aħħar jiem. 

It-48 każ: Tfajla ta’ 26 sena, qariba ta’ każ ieħor li tħabbar fil-jiem li għaddew. F’din il-familja hemm 4 persuni infettati. 

19 ta’ Marzu: Jitħabbru 5 każijiet: 

Id-49 każ: Maltija ta’ 56 sena li kellha qarib li nstab pożittiv għall-virus qabel. Hi parti minn cluster ta’ sitt pazjenti. Il-mara ma kellha l-ebda kuntatt ma’ persuni oħrajn. 

Il-50 każ: Malti ta’ 29 sena. Kien l-Ingilterra bejn it-8 u l-15 ta’ Marzu. Qagħad immedjatament fi kwarantina. 

Il-51 każ: Spanjol ta’ 33 sena, li jgħix u jaħdem Malta. Mar Madrid fi Spanja bejn id-29 ta’ Frar u d-9 ta’ Marzu. Beda juri s-sintomi fit-12 ta’ Marzu. Jumejn qabel, fl-10 ta’ Marzu mar għax-xogħol għal ftit ħin. Sar risk assessment tal-kollegi tiegħu u nstab li dawn ma kinux f’riskju. 

It-52 każ: Malti ta’ 35 sena. Hu mar Brussell u wasal lura Malta fil-11 ta’ Marzu. Hu għamel il-kwarantina. 

It-53 każ: Malti ta’ 64 sena, li huwa qarib ta’ każ ieħor li marru l-Ingilterra u li kienu nstabu pożittivi għall-virus. Is-sintomi tiegħu bdew fis-17 ta’ Marzu. Qagħdu kwarantina. 

X’inhuma l-helplines tal-Gvern dwar il-coronavirus?

  • 111 – Għall-persuni li jħossu sintomi tal-Covid-19 jew jixtiequ iktar informazzjoni;
  • 22042200 – Għar-residenti Maltin li nqabdu f’wieħed mill-pajjiżi ta’ riskju għoli u jridu jiġu lura Malta;
  • 21411411 – Għall-persuni fi kwarantina mandatorja li għandhom bżonn provvista ta’ ikel u mediċini;
  • 25981000 – Għal dawk li għandhom domandi dwar is-settur edukattiv u l-impatt tal-coronavirus;
  • 21692447 – Għal lukandiera u turisti li għandhom domandi dwar il-miżuri mħabbra;
  • 25903030 – Għall-anzjani mingħajr sapport li għandhom bżonn mediċini, ikliet lesti jew prodotti tal-ikel (frott u ħaxix);
  • 25469111 – Għal dawk li jaħdmu fl-industrija tal-gaming.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn