Malta kif qed tħejji għall-Brexit?

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li biex Malta tħejji għal Brexit, inħolqot strttura ġdida fil-Ministeru tal-Affarijiet Ewropej u task force fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
It-task force fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru hija magħmula minn Trade Malta, il-Malta Gaming Authority, FinanceMalta, il-Malta Enterprise u s-settur privat.
Il-Prim Ministru qal li din se tfassal pjan t’azzjoni sal-2019 biex tippromwovi l-kummerċ, inkluż attivitajiet industrijali, ekonomiċi u finanżjarji lejn Malta. Qal li Malta trid tkun f’pożizzjoni li tattira kumpaniji bbażati fir-Renju Unit li jridu jwaqqfu bażi f’pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea wara Brexit.
Dwar l-istrruttura fil-Ministeru tal-Affarijiet Ewropej, il-Prim Ministru qal li din qed issegwi l-preparamenti li qed iseħħu fi Brussell dwar it-tħejjijiet għar-relazzjonijiet futuri bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea.
L-istruttura msemmija qiegħda wkoll tikkoordina konsultazzjonijiet mal-Ministeri kollha tal-Gvern biex tistudja x’jista’ jkun l-impatt ta’ kull xenarju u fl-oqsma kollha filwaqt li tikkonsolida l-pożizzjoni tal-Gvern fin-negozjati li għaddejjin fi Brussell.
Se tkun responsabbli wkoll li jassisti lill-Ministeri biex jiġi assigurat li Malta tkun ippreparata b’mod adekwat għall-konsegwenzi kollha ta’ Brexit.
Kumpaniji tal-egaming jistgħu jiġu Malta
Għall-mistoqsija Parlamentari tad-deputat Godfrey Farrugia, il-Prim Ministru qal li kumpaniji tal-egaming reġistrati u stabbiliti fl-Ingilterra u territorji tagħha jistgħu jirrilokaw Malta bħala l-“pont” għal Ewropa.
Semma li se jiġi ppreżentat abbozz ta’ liġi fil-Parlament b’riformi ġodda fis-settur tal-logħob b’ħidma mal-Awtorità tal-Loghob.
Il-Prim Ministru qal li permezz ta’ dan l-abbozz, id-deċiżjoni ta’ dawn il-kumpaniji li jiddeċiedu li jiġu Malta, se tkun iffaċilitata, f’każ ta’ Brexit.