“Malta jixirqilha gvern li ma jigdibx” – EPP

FILE PHOTO: Maltese Prime Minister Joseph Muscat addresses a press conference after an urgent Cabinet meeting at the Auberge de Castille in Valletta, Malta November 29, 2019. REUTERS/Yara Nardi/File Photo

Read in English.

“Malta jixirqilha gvern li ma jigdibx.” Dan qalu Jeroen Lenaers, kelliem għall-Partit Popolari Ewropew, wara l-konklużjonijiet li waslet għalihom id-delegazzjoni ta’ MEPs mibgħuta Malta. Huma kienu qed janalizzaw is-saltna tad-dritt (rispett lejn il-liġi) u l-andament tal-investigazzjonijiet fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Lenaers sostna li l-Unjoni Ewropea hija magħmula minn valuri li għandhom ikunu mħarsa. Insista li r-riżenja immedjata ta’ Muscat hija l-unika mod kif l-investigazzjoni fl-assassinju tkun garantita l-oġġettività, il-ġustizzja u n-newtralità.

Insista li s-saltna tad-dritt f’Malta tinstab fi stat xokkanti. Wara l-allegazzjonijiet dwar persuni li huma qrib tiegħu u li ddefenda matul is-snin, hija xi ħaġa inaċċettabbli li Muscat ikompli għaddej qisu xejn mhu xejn, kompla Lenaers.

Min-naħa tagħha, l-MEP Maltija Roberta Metsola, li wkoll tagħmel parti mill-istess grupp politiku Ewropew, qalet li l-verità dwar l-assassinju ilha tinħeba taħt it-tapit għal żmien twil. Irrimarkat li dak li qed jiġri f’Malta bħalissa huwa inaċċettabbli f’pajjiż membru. Insistiet li sakemm Muscat jibqa’ fil-poter, il-valuri tal-Unjoni Ewropea se jibqgħu taħt theddida u l-ġustizzja se tibqa’ ma ssirx.