Malta ilha taf ta’ min hi 17Black minn Frar – Gomes

L-awtoritajiet Maltin saru jafu min kien jew kienu s-sidien tal-kumpanija 17Black fi Frar li għadda skont il-Membru tal-Parlament Ewropew Ana Gomes.

Fuq Twitter, Gomes qalet li l-aġenzija tal-Gvern kontra l-ħasil tal-flus ta’ Malta (FIAU) ingħatat id-dettalji dwar is-sidien, dwar il-kont tal-kumpanija, u transfers li saru permezz tal-bank ABLV tal-Latvja.

Żiedet tgħid li x’aktarx dan kien is-sors tal-informazzjoni li jidher fir-rapport tal-FIAU li żvela l-MPE Nazzjonalista David Casa. Qalet li madanakollu ma ttieħdu l-ebda passi mill-Pulizija kontra l-ħasil tal-flus. Qalet ukoll li ma ttieħdux passi fil-konfront tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.

Fuq Twitter ukoll David Casa qal li l-awtoritajiet Maltin jafu ta’ min hi 17Black però baqgħu ma ħadux passi.

Permezz ta’ The Daphne Project, ġie żvelat li total ta’ €1.3 miljun ġew trasferiti lill-kumpanija 17 Black, il-kumpanija f’Dubaj imniżżla bħala wieħed mill-“klijenti prospettivi” li jgħaddu l-flus lill-kumpaniji fil-Panama taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u tal-Ministru Konrad Mizzi. It-Times of Malta tagħmel parti minn dan il-proġett.