“Malta hi waħda mill-iktar pajjiżi korrotti fl-UE” – Deutsche Welle

Is-sit tal-aħbarijiet Ġermaniż, Deutsche Welle, ħareġ filmat twil kważi ħames minuti bl-isem ta’ Skandlu fil-Belt (Scandal in Valletta), li jiftaħ billi jgħid li Malta hi waħda mill-iktar pajjiżi korrotti fl-Unjoni Ewropea.

Il-filmat jitkellem dwar il-Belt bħala l-Kapitali Ewropea tal-Kultura iżda minkejja l-ideali Ewropej, jgħid li Malta għad ma kellhiex dibattitu dwar il-korruzzjoni u l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fil-filmat ġie intervistat Ulrich Fuchs, iċ-Ċermen tal-kumitat li kien għażel il-Belt Valletta bħala l-Kapitali Ewropea tal-Kultura. Fil-kummenti tiegħu Fuchs saħaq li Valletta 2018 spiċċat instrumentalizzata għal skopijiet politiċi. Fuchs spjega kif l-interess nazzjonali sar prijorità fil-Valletta 2018, filwaqt li ntilfu l-arti u kultura u l-ideali Ewropej. Minkejja li Fuchs kien ċermen tal-kumitat li għażel il-Belt, huwa qed jibbojkottja l-V18.

Fil-filmat jidhru wkoll l-attivista Pia Zammit u l-fotografu ġurnalista Darrin Zammit Lupi, li jiġi wkoll il-kuġin ta’ Daphne Caruana Galizia.  Zammit titkellem dwar dak li fi kliemha huwa l-biża’ tan-nies li minkejja dak li jaħsbu, jibżgħu juru wiċċhom għax jiddependu fuq il-grants tal-Gvern.

Fil-filmat jingħad li ħafna mill-kritika kienet lejn iċ-Ċermen tal-Valletta 2018 Jason Micallef u jissemma’ meta l-assoċazzjoni dinija PEN International kitbet lill-Kummissjoni Ewropea biex Micallef jitneħħa mill-pożizzjoni tiegħu. Diversi kittieba prominenti kienu ffirmaw din id-dikjarazzjoni fosthom Salman Rushdie, Margaret Atwood, u l-ġurnalista mill-Ażerbajġan Khadija Ismayilova.