‘Malta hi eżempju għall-pajjiżi Mediterranji’ – Viċi President PPE

Il-Viċi President tal-Partit Popolari Ewropew, Manfred Weber, ddeskriva lil Malta bħala eżempju pożittiv għall-pajjiżi Mediterranji oħra.

Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista li saret aktar kmieni llum fid-Dar Ċentrali.

Weber sostna kif b’kuntrast ma’ pajjiżi oħra, Malta għandha stabilità ekonomika b’inqas rati ta’ qgħad, speċjalment fost iż-żgħażagħ. Dan waqt kriżi ekonomika li laqtet pajjiżi fl-istess reġjun fosthom l-Italja, Greċja, Spanja u l-Portugal.

Huwa qal li b’dawn ir-riżultati, Malta m’għandiex tbiddel il-gvern għax tirriskja li titlef l-istabilità.

Matul il-konferenza, tkellmu wkoll il-Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech u l-viċi kap tal-Partit Nazzjonalista Dr Simon Busuttil.

Huma qalu li l-priorità tal-Partit Nazzjonalista se tkun li jassigura aktar xogħol.

Rigward il-billboard tal-Partit Nazzjonalista li ħareġ ilbieraħ, Dr Busuttil qal li filwaqt li għandu messaġġ veritier, wieħed għandu jieħdu wkoll b’sens ta’ umoriżmu.

Huwa kkumpara dan mal-billboards tal-Partit Laburista li juru lill-Prim Ministru bi flokk tal-brażil.