Malta ħatja li kisret il-liġi tal-Unjoni Ewropea?

Wara li Dr Joseph Muscat allega li Malta kienet qed tikser liġi Ewropea u ma ħaditx passi biex tirrimedja dan, il-Gvern ċaħad dan u qal li għadu qed jinnegozja mal-Unjoni Ewropea.

Il-kwistjoni tikkonċerna d-differenza fin-nollijiet tat-trasport pubbliku bejn Maltin u Barranin.

Il-liġi tal-Unjoni Ewropea titlob li fl-iStati Membri tagħha, ma jkunx hemm l-ebda tip ta’ diskriminazzjoni bejn pajjiż u ieħor. Dan biex jinkoraġġixxi n-negozju u s-safar bejn il-pajjiżi Ewropej.

Taħt din il-liġi, l-Kummissjoni Ewropea qalet li Malta kienet qed tiddiskrimina meta tistabbilixxi rata għat-trasport pubbliku għall-Maltin, u rata aktar għolja għat-turisti.

Il-Ministeru għat-Trasport ċaħad l-allegazzjoni ta’ Dr Joseph Muscat li Malta kienet qed tipposponi milli twieġeb lill-Kummissjoni Ewropea dwar l-osservazzjonijiet tagħha fuq dan.

Fi stqarrija, il-Ministeru ddikjara li t-tweġiba ta’ Malta se tintbagħat lill-Kummissjoni fil-jiem li ġejjin.

Il-pożizzjoni li ħadet Malta dwar dan is-suġġett kien li Malta għandha jedd tintroduċi rati differenti għar-residenti li jgħixu f’Malta minn dawk li jiġu jżuruha għal żmien qasir.

Fi kliem ieħor, il-Gvern qed jgħid li d-differenza fuq il-prezzijiet hija bbażata fuq ir-residenza u mhux fuq iċ-ċittadinanza.

L-istqarrija tkompli tgħid li bl-allegazzjonijiet li qed jagħmel il-Kap tal-Oppożizzjoni, hu qed jitfa’ fi żvantaġġ il-pożizzjoni li qed tinnegozja Malta.

Il-Ministeru qal li jekk jiġri hekk titneħħa d-differenza bejn in-noll li jħallsu r-residenti ta’ Malta u n-noll li jħallsu t-turisti. Għaldaqstant ikollu jorħos in-noll tat-turisti u jogħla tar-residenti f’Malta.