Malta ħarbtet investigazzjonijiet dwar it-tonn – KE

Read in English.

Il-Kummissjoni Ewropea qed takkuża lil Malta li ħarbtet investigazzjonijiet dwar it-tonn.

Fi stqarrija l-KE ħabbret li llum bagħtet ittra formali lil Malta talli naqset milli tikkonforma ma’ għadd ta’ regolamenti dwar is-sajd u t-tonn.

“B’mod partikolari, Malta naqset milli tiżgura l-preżenza ta’ sistema effettiva ta’ monitoraġġ, ta’ kontroll u ta’ spezzjoni fil-farms tat-tonn. Bosta mill-missjonijiet ta’ awditjar u ta’ verifika mwettqa mill-uffiċjali tal-Kummissjoni identifikaw għadd ta’ nuqqasijiet serji, inkluż in-nuqqas ta’ aċċess lill-ispetturi tal-Unjoni għall-ilmijiet fil-ġurisdizzjoni Maltija fil-qafas ta’ programm speċifiku ta’ kontroll u ta’ spezzjoni, investigazzjonijiet imdewma, għadd limitat ta’ verifiki ta’ kontroll aleatorji, u nuqqas ta’ sanzjonijiet lill-operaturi,” qalet il-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni temmen li Malta ma ħaditx il-passi meħtieġa biex tindirizza dawn in-nuqqasijiet. Malta issa għandha erba’ xhur biex tindirizza n-nuqqasijiet imsemmija. Jekk dan ma jsirx, il-Kummissjoni tista’ tieħu passi ulterjuri.

Malta kellha Kummissarju għas-Sajd li serva bejn l-2014 u l-2019. Dan kien Karmenu Vella.

X’inhuma l-istadji differenti fil-proċedura ta’ ksur ?

Il-proċedura ta’ ksur tibda b’talba għal informazzjoni (“Ittra ta’ Notifika Formali”) lill-Istat Membru kkonċernat, li jeħtieġ li tingħata risposta għaliha f’perjodu speċifikat, ġeneralment xahrejn.

Jekk il-Kummissjoni ma tkunx sodisfatta bl-informazzjoni u tikkonkludi li l-Istat Membru kkonċernat qed jonqos milli jirrispetta l-obbligi tiegħu skont il-liġi tal-UE, il-Kummissjoni tista’ tibgħat talba formali għal konformità mal-liġi tal-UE (“Opinjoni Motivata”), fejn titlob lill-Istat Membru biex jinforma lill-Kummissjoni dwar il-miżuri li ttieħdu biex ikun hemm konformità f’perjodu speċifiku, ġeneralment xahrejn.

Jekk Stat Membru jonqos milli jiżgura li jkun hemm konformità mal-liġi tal-UE, il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi li tirreferi lill-Istat Membru quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.