“Malta għandu jkollha żewġ festi nazzjonali” – Dr Joseph Muscat

Il-Prim Ministru Dr Joseph Muscat staqsa jekk wasalx iż-żmien li l-pajjiż ikollu żewġ festi Nazzjonali, filwaqt li jinżammu bħala vaganzi l-bqija tal-festi lill-ħaddiema. Il-Prim Ministru staqsa kif kellhom jgħaddu 25 sena sabiex Gvern u Oppożizzjoni jiċċelebraw festa Nazzjonali flimkien, għax qal li dan il-Gvern ma telax biex iniżżel bandiera blu waqt li titla’ waħda ħamra.

Fi kliemu, ikun żball li wieħed jipprova jikkopja l-passat. Qal li l-poplu tah mandat sabiex joħloq il-futur. Waqt li kien qiegħed jitkellem matul ċerimonja mtella’ mill-Partit Laburista fl-okkażjoni tal-34 Anniversarju mill-Ħelsien, fil-Birgu, Dr Muscat kompla jgħid li s-sentiment ta’ Jum il-Ħelsien għandu jkun f’qalb il-poplu kollu bħal m’għandu jkun Jum l-Indipendenza.

Il-Mexxej Laburista fakkar kif il-Perit Mintoff daħħal diversi libertaijiet ċivili, aktar ugwaljanza u kien protagonist sabiex ikun hemm differenza bejn l-Istat u l-Knisja. Ħa wkoll l-okkażjoni sabiex jitkellem dwar il-Konvenzjoni Kostituzzjonali fejn qal li kulħadd se jkollu l-opportunità li jitkellem u fejn ma jkunx imitat il-passat.

Ħalli l-kummenti tiegħek hawn taħt.