Aġġornata: Malta għandha timblokka ftehim tan-negozju biex tipproteġi l-Amażonja – PD

A burning tract of Amazon jungle is seen while as it is being cleared by loggers and farmers in Porto Velho, Brazil August 23, 2019. REUTERS/Ueslei Marcelino

Read in English.

Il-Partit Demokratiku appella biex Malta tipproteġi l-Amażonja billi tissieħeb ma’ Franza u l-Irlanda u thedded li timblokka ftehim kummerċjali tal-EU mal-Amerka t’Isfel milli jgħaddi.

Fi stqarrija il-PD qal li prodotti manufatturati bis-saħħa tad-diforestazzjoni tal-Amażonja għandhom jiġu bbojkottjati.

Skont il-Membru Parlamentari tal-PD Godfrey Farrugia, stati-gżejjer huma partikolarment vulnerabbli għat-tibdil fil-klima u li Malta għandha bżonn tagħmel il-parti tagħha. Qal li l-PD qed isejjaħ lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jibgħat “messaġġ ċar lill-Brażil biex tipproteġi dak li fadal mill-Amażonja.”

Timothy Alden qal li l-ftehim EU-Mercosur huwa f’idejn il-politiċi lokali, imma fl-ambitu Ewropew qal li hemm bżonn li wieħed jitkellem dwar sanzjonijiet aktar aggressivi u embargo tan-negozju mal-Brażil.

Il-Brażil b’diġriet biex l-armata tgħin fit-tifi tan-nar

Skont il-BBC, politiċi u ambjentalisti ħadu pożizzjoni kontra l-President tal-Brażil Jair Bolsonaro u qed iwaħħlu fil-politika tiegħu għan-nirien li ħakmu lill-Amażonja.

Il-ġurnalist Brażiljan Silio Boccanera qal li bħal dan iż-żmien ta’ nixfa jkun mistenni li jkun hemm nirien fl-Amażonja. Però, huwa maħsub li ħafna min-nirien li hemm bħalissa tqabbdu għal t’apposta.

Franza u l-Irlanda qalu li ma kenux se jirratifikaw ftehim kbir mal-istati tal-Amerka t’Isfel sakemm il-Brażil ma tagħmilx aktar biex tiġġieled in-nirien. Il-President Franċiż Emmanuel Macron qal li Bolsonaro gidiblu dwar il-pożizzjoni tiegħu fuq it-tibdil fil-klima.

Il-ftehim tal-Mercosur ġie deskritt bħala l-akbar ftehim dwar in-negozju tal-UE s’issa.

Membri ta’ Extinction Rebellion Malta jinġabru f’Tas-Sliema

L-għaqda Extinction Rebellion Malta fi stqarrija qalet li membri tagħha nġabru quddiem il-Konsulat tal-Brażil Tas-Sliema f’solidarjetà mal-komunitajiet indiġeni tal-Amażonja. Appellaw ukoll għal “veto” tal-ftehim EU-Mercosur.