Malta għandha tiddikjara emerġenza dwar il-klima – PD

Read in English.

Fi stqarrija l-Partit Demokratiku qal li t-tibdil fil-klima huwa evidenti u jista’ jwassal għal futur katastrofiku sabiex wieħed isalva ċ-ċivilizzazzjoni milli tibqa’ tiġi mhedda.

Huma appellaw li huwa kruċjali li kemm Malta u l-Unjoni Ewropea jagħmlu bħall-Parlament Ingliż u jiddikjaraw emerġenza rigward il-klima. Din il-kwistjoni għandha bżonn tiġi indirizzata u mhux tispiċċa ballun politku. Il-Partit Demokratiku appella biex il-kapijiet tal-pajjiż jieħdu azzjoni immedjata.

Spjegaw li waħda mill-biżgħat hija li l-gass metanu jdub. Il-gas metanu huwa 30 darba iktar b’saħħtu mid-dijossidu karboniku (CO2), għalhekk iktar mal-klima tisħon aktar hemm ċans li l-gas metanu jdub. Jekk jiġri dan id-dinja tkompli tisħon u jkun hemm riskju fuq il-ħajja. Camilla Appelgren kandidata għal-Parlament Ewropew appellat lil kulħadd biex jaġixxi u kemm Malta u l-Ewropa tiddikjara emerġenza rigward il-klima.

Il-kanidat għall-Kunsilli Lokali f’Tas-Sliema u Deputat Mexxej tal-Partit Demokratiku Timothy Alden qal li Malta minn dejjem waslet il-vuċi tagħha speċjalment fl-Ewropa u għalhekk m’għandix taħseb li minħabba ċ-ċokon tagħha ma tistax tagħmel differenza. Spjega li Malta tista’ tikkonvinċi lil-Kapjiet u lill-Unjoni Ewropea sabiex jiddikjaraw emerġenza dwar din il-kwistjoni.

Il-Partit Demokratiku spjega li t-tibdil fil-klima huwa wieħed mill-pilastri tal-Manifest Elettorali għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-Partit Demokratiku. Il-PD saħaq li Malta għandha tagħti iktar f’dan ir-rigward biex mhux biss jintlaħqu l-miri għal Malta iżda dawk Ewropej.