Malta għandha demokrazija difettuża – The Economist

Sarah Cassar Dymond

Read in English.

L-indiċi annwali ta’ The Economist wassal sabiex Malta tiġi klassifikata għal pajjiż b’demokrazija “difettuża”.

Din hija daqqa ta’ ħarta għal Malta f’din il-klassifika partikolari hekk kif Malta dejjem kienet klassifikata bħala “full democracy” (demokrazija sħiħa). L-indiċi ħarġet għall-ewwel darba fl-2006.

Dan ir-riżultat għal Malta ġie fid-dawl tal-kriżi politika riċenti wara l-aħħar żviluppi li ħarġu fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dan wara li wieħed mill-akbar negozjanti Maltin, Yorgen Fenech, is-Sid tal-Kumpanija 17 Black, ġie arrestat b’involviment fl-assassinju tal-ġurnalista. Wara ħarġu diversi każi oħrajn fil-pubbliku ta’ persuni importanti fil-politika u fil-Gvern li fl-istess żmien kellhom x’jaqsmu ma’ Fenech jew saħansitra kienu ħbieb.

L-avvanzi wasslu għal diversi riżenja inkluż dik ta’ Konrad Mizzi minn Ministru għat-Turiżmu u Keith Schembri minn Chief of Staff tal-Prim Ministru. L-eks Prim Ministru Joseph Muscat irreżenja wkoll f’Jannar, wara li bosta entitajiet, inkluż l-Unjoni Ewropea, talbuh iwarrab kawża tal-korruzzjoni li ħakmet lill-pajjiż.

Muscat, li tlaqqam l-aktar persuna korrotta għall-2019, irreżenja fit-12 ta’ Jannar fejn minfloku ġie elett Prim Ministru ġdid, Robert Abela li saħansitra wassal għal diversi tibdiliet sostanzjali fil-Kabinett li beda jopera b’mod sħiħ fl-14 ta’ Jannar.

L-indiċi li jħares lejn 167 pajjiż, ra lil Malta tinżel għas-26 post fil-klassifika. Fl-istess kategorija, hemm 54 pajjiż ieħor, b’diversi minnhom fl-Unjoni Ewropea, inkluż il-Belġju, Ċipru, l-Italja,il-Greċja, il-Polonja, fost diversi oħrajn.

Matul l-2019, żewġ pajjiżi – iċ-Ċilì, Franza u l-Portugall – imxew minn demokrazija difettuża għal demokrazija sħiħa. Intant Malta kienet l-unika pajjiż li niżlet minn demokrazija sħiħa għal waħda difettuża.

Filwaqt li Malta dejjem kisbet marka ta’ ‘l fuq minn 8.0, li huwa l-grad li jindika li l-pajjiż għandu demokrazija sħiħa u li tiffunzjona, din hija l-ewwel darba li l-grad ta’ Malta niżel taħt it-8.0. Malta fl-2019, kisbet il-grad ta’ 7.95.