Malta għandha bżonn Oppożizzjoni kredibbli b’mexxej ġdid – Louis Galea

Malta għandha bżonn Oppożizzjoni kredibbli b’mexxej ġdid. Dan qalu Louis Galea, li sena ilu kien ingħata l-kariga li jmexxi l-proċess ta’ riforma u tiġdid fil-PN.

Fi stqarrija qal li Malta jixraqilha din l-Oppożizzjoni kredibbli mill-aktar fis. Spjega kif f’din is-sena ħadem mal-livelli kollha tal-partit. Hu dejjem sostna li l-Istatut il-ġdid li adottaw flimkien huwa biss il-pedament għall-futur tal-partit. “Wisq nibża illi jekk ma jkunx hemm tmexxija ġdida li kapaċi tgħaqqad il-qawsalla kollha ta’ opinjonijiet li l-PN minn dejjem ħaddan, u li tispira fiduċja fil-poplu u taħdem għall-milja tal-aspirazzjonijiet tiegħu, dan il-pedament ma jissarrafx fil-ġid li għandu l-mira u l-potenzjal li jilħaq,” irrimarka Galea.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ngħata vot ta’ sfiduċja mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista fis-7 ta’ Lulju. Kmieni dalgħodu, hu ngħata vot ta’ sfiduċja ieħor mill-Kumitat Eżekuttiv. Galea rrimarka li dawn il-voti ta’ sfiduċja juru bl-aktar mod ċar l-urġenza li l-PN iniedi proċess li jwassal għall-għażla ta’ mexxej ġdid tal-partit. Irrimarka li Delia huwa żbaljat meta jbaxxi dawn l-organi u jgħid li l-voti b’maġġoranza ċara tagħhom m’għandhom l-ebda konsegwenza.

“Ma naf bl-ebda pajjiż demokratiku fejn mexxej politiku jitlef il-fiduċja tal-maġġoranza tal-Membri Parlamentari tiegħu u tal-membri tal-Eżekuttiv nazzjonali tal-partit tiegħu u dan il-mexxej ma jagħżilx it-triq ovvja u onorabbli u jwitti t-triq għal bidla fit-tmexxija,” insista Galea.

Hu kkritika wkoll lill-partit inniffsu u sostna li ma jafx b’partit serju f’pajjiż demokratiku f’perjodu ta’ tliet snin jitlef l-appoġġ u l-fiduċja tal-poplu b’mod qawwi bħall-PN u jibqa’ ċass u ma jiħux il-passi meħtieġa biex jirrimedja t-tmexxija tal-partit.

“Għandu jkun ċar għal Adrian Delia li jekk tassew irid il-ġid tal-partit u tal-pajjiż għandu jiżblokka t-triq għal għażla ta’ Kap ġdid tal-partit,” qal Galea. Hu spjega li l-Istatut il-ġdid tal-partit jikkonferma li l-għażla finali tal-Kap titħalla f’idejn it-tesserati. Iżda hu rrimarka kif filwaqt li t-tesserati jivvotaw għall-Kap, il-Kap hu soġġett għall-kontabbilità lejn l-organi tal-partit – il-Kumitati Sezzjonali, il-Grupp Parlamentari, il-Kunsill Amministrattiv, il-Kumitat Eżekuttiv u l-Kunsill Ġenerali. “Id-dmirijiet tat-tesserati fl-elezzjoni tal-Kap mhumiex superjuri għad-dmirijiet u l-funzjonijiet ta’ dawn l-organi. Ħadt qatt ma jgħaddilu minn moħħu li jekk gvern jitlef vot ta’ fiduċja fil-Parlamentari dan joħroġ jgħid li l-vot hu bla konsegwenza għax huma ċ-ċittadini li tellgħuh hemm u mhux l-MPs,” irrimarka Galea.

Hu sostna li Delia għandu d-dmir jieqaf jabbuża mil-lealtà u t-tjubija tat-tesserati u huwa obbligat jidderiġihom skont id-direzzjoni li qed jagħti l-Kumitat Eżekuttiv għall-ġid tal-partit. Insista li t-tesserati għandhom ikunu rrispettati u mhux inkwetati li jħabbtu wiċċhom ma’ kwistjonijiet ta’ kuljum li jinqalgħu fil-partit meta huma ma għandhom l-ebda responsabbiltà oħra ħlief dik li jivvutaw darba kull tant snin għal kap.

Hu ngħaqad mal-appell ta’ Dr Lawrence Gonzi u oħrajn, u wera l-appoġġ sħiħ għal kull proposta li tirrisolvi l-kriżi li għaddej minnha l-partit billi jkun hemm elezzjoni fiera u ġusta għal Kap tal-Partit.