​Malta għandha bżonn l-għajnuna tal-Istituzzjonijiet Ewropej – Francis Zammit Dimech

Il-Membru Parlamentari Ewropew (MPE) Francis Zammit Dimech qal lil President tal-Parlament Antonio Tajani li l-poplu Malti jeħtieġ l-għajnuna mingħajr riżervi tal-Istituzzjonijiet Ewropej.
Waqt laqgħa li kellu ma' Tajani, Zammit Dimech qal li issa aktar minn qatt qabel, il-poplu Malti jeħtieġ din l-għajnuna wara l-qtil brutali ta’ Daphne Caruana Galizia. Sostna li dan ma kienx biss assassinju ta’ ġurnalista iżda wkoll assalt fuq l-libertà tal-espressjoni tal-poplu Malti għax issa l-Maltin qed jiġu mċaħħda minn sors kbir ta’ informazzjoni fuq materji ta' importanza. Zammit Dimech qal li tkellem ukoll ma’ Tajani dwar kif is-saltna tad-dritt f’Malta tinsab mhedda. L-MPE saħaq li l-Maltin m'għandhomx fiduċja fil-Kummissarju tal-Pulizija u fil-Korp tal-Pulizija. Żied jgħid li l-Kummissarju lanqas biss iltaqa’ mal-Kummissjoni Kontra l-Mafja li ġiet Malta.
Sadanittant, Zammit Dimech inħatar bħala rapporteur tal-grupp tal-Partit Popolari Ewropew (EPP) rigward il-pluraliżmu u l-libertà fil-midja fi ħdan il-Kumitat għall-Kultura u għall-Edukazzjoni. L-MPE spjega li se jkun qed jieħu dan l-irwol b’serjetà kbira. Qal li se jindirizza wkoll is-sitwazzjoni f’Malta biex jitfa’ dawl fuq l-oppressjoni li teżisti fuq il-ġurnaliżmu f’Malta. Saħaq li dan mhux se jsir biss fid-dawl tal-assassinju ta’ Caruana Galizia iżda anke minħabba allegazzjonijiet riċenti ta’ bullying mal-midja lokali.