Malta għandha bżonn aktar banek – Muscat

Luke Zerafa

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li Malta għandha bżonn aktar banek biex jagħtu servizz lill-ekonomija li qed tikber.

Dan qalu waqt l-indirizz tiegħu fil-konferenza tal-aħbarijiet tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) li fiha ħabbret l-istrateġija tagħha għall-futur, Vision 2021.

Il-Kap Eżekuttiv tal-MFSA Joseph Cuschieri qal li wasal iż-żmien biex l-MFSA tevolvi u timmodernizza ruħha. Qal ukoll li se jkun hemm struttura ġdida ta’ kif l-MFSA hija organizzata li se tiġi żvelata dalwaqt. Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji Silvio Schembri qal li fl-aħħar għaxar snin l-importanza tal-liġijiet ta’ kontra l-ħasil tal-flus żdiedet b’għaxar darbiet.

Muscat semma kif fl-aħħar xhur saru allegazzjonijiet li qajmu tħassib dwar kif taħdem l-MFSA. Qal li ma kienx se jitkellem dwar kif dawn l-attakki ġew ikkoordinati, però saħaq li l-MFSA taħdem kif suppost. Qal ukoll li ironikament ċertu kummenti li l-MFSA hija laxka jew stretta żżejjed ġieli ssir mill-istess kritiċi.

Dwar il-banek Muscat qal li dawn iridu jkunu prudenti imma wkoll proattivi. Qal li jridu jkunu magni għat-tkabbir ekonomiku u mhux biss safety-deposit boxes.