Malta għal fuq Melaverde

Malta se tkun il-protagonista ta’ tliet episodji tal-programm popolari Melaverda li nhar ta’ Ħadd jarawh maż-żewġ miljun persuna.
Il-crew tal-produzzjoni, flimkien mal-preżentatriċi Ellen Hidding kienu Malta u ffilmjaw l-episodji li se jixxandru f’Settembru li ġej.
It-titlu tal-episodji se jkunu: ‘La Perla del Mediterraneo’ (Il-Perla tal-Mediterran), ‘Tra Cavalieri ed Agrigoltura’ (Bejn Kavallieri u l-Biedja) u ‘Le Isole Maltesi’ (Il-Gżejjer Maltin).
L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ħadet ħsieb li ddawwar lit-tim tal-produzzjoni li ffilmjaw f’diversi żoni, fosthom f’Marsaxlokk, il-Birgu, il-Barrakka ta’ Fuq, diversi lokalitajiet f’Għawdex u anke Kemmuna.
Fost oħrajn, ġew intervistati l-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana u d-Direttur tal-MTA għall-Italja Claude Zammit Trevisan.
Ħadu sehem ukoll diversi esperti f’oqsma differenti, fothom fil-patrimonju kulturali u storiku, l-agrikoltura u s-sajd.
Il-programm Melaverde daħal fl-20 staġun tiegħu u jixxandar kull nhar ta’ Ħadd fuq Canale 5 bejn 12:00 u s-13:00.