Malta għaddejja minn tibdil soċjali – Mons. Grech

L-Amministratur Appostoliku għal Għawdex Mario Grech qal li s-soċjetà f’Malta għaddejja minn proċess qawwi ta’ tibdil soċjali, kulturali, u reliġjuż.

Mons. Grech qal dan fid-diskors tiegħu tal-awguri għas-sena l-ġdida lill-Kleru lbieraħ.

Qal li matul l-14-il sena li għamel imexxi d-Djoċesi pprova jgħin f’din it-tranżizzjoni.

“Għodda importanti f’din il-missjoni kienu l-kappillani. Minn 15-il kappillan, tnejn biss baqgħu minn dawk nominati mill-predeċessur tiegħi. Fl-għażla tal-kappillani dejjem fittixt l-aħjar elementi fost il-kleru djoċesan. Kemm ilni isqof ippresidejt 22 ċerimonja ta’ pussess ta’ parroċċa,” qal Mons. Grech.

Mons. Grech qal li sab il-maġġoranza tal-kappillani kollaboraturi tajbin, però qal li “hemm individwi u ċirkustanzi fejn stennejt aktar kondiviżjoni fil-viżjoni pastorali u aktar kuraġġ fit-tiġdid tal-komunitajiet parrokkjali.”

Mons. Grech tkellem ukoll dwar is-saċerdoti.

“Għalkemm in-numru tas-saċerdoti huwa għoli (147 inkardinati), l-età medja hija ta’ madwar 60 sena. Is-saċerdoti li huma taħt is-60 sena, b’eċċezzjoni ta’ ftit ħafna, kollha għandhom mandat pastorali. Il-Kunsill Presbiterali jiltaqa’ regolarment. Hemm 16-il saċerdot imsiefer: erbgħa minnhom qed jistudjaw, tnejn jinsabu fis-servizz tas-Santa Sede, u l-oħrajn fidei donum anki f’artijiet tal-missjoni. F’14-il sena għamilt il-funeral ta’ 77 saċerdot, filwaqt li ordnajt 24 saċerdot ġdid. Ilqajt it-talba għall-eskardinazzjoni ta’ seba’ saċerdoti, filwaqt li żewġ saċerdoti Għawdxin li kienu inkardinati barra ġew inkardinati fid-Djoċesi tagħna,” qal Mons. Grech. Żied jgħid li fis-Seminarju Maġġuri hemm 12-il seminarista. Qal li f’diversi parroċċi żdied in-numru tal-abbatini.

“Il-ħajja kkonsagrata hija ‘pulmun’ importanti għall-ħajja ekkleżjali. Fid-Djoċesi hawn preżenza ta’ tnax-il familja reliġjuża. Tajt mandat lil wieħed reliġjuż bħala d-Delegat tiegħi għall-Ħajja Kkonsagrata. Hu jiltaqa’ regolarment ma’ rappreżentanti tar-reliġjużi biex iwettqu programm ta’ formazzjoni.”

Mons. Grech qal li fetaħ monasteru ta’ ħajja kontemplattiva femminili u waqqaf l-Ordni tal-Verġni.

“Għamilt tentattivi biex fid-Djoċesi jkollna fergħa maskili tal-ħajja kontemplattiva, imma s’issa ma tawx frott. Huwa fatt li f’dawn l-aħħar snin rajna djar tar-reliġjużi jingħalqu, għax il-komunitajiet qed jikbru fl-età u jiċkienu fin-numru. Is-sorijiet Franġiskani għalqu l-kunvent tagħhom fil-Qala u kienu diġà telqu mis-Seminarju u waslu biex jagħlqu l-kunvent li hemm in-Nazzarenu (ix-Xagħra). Imma frott l-impenn tagħna u r-rieda tajba tal-Madre Ġenerali tal-Franġiskani, is-Sorijiet ġew lura s-Seminarju u n-Nazzarenu.”

“Xtaqt ħafna li l-Kunsill tas-Superjuri Maġġuri Reliġjużi (KSMR) ikollu relazzjoni mill-qrib mal-Isqof ta’ Għawdex kif għandhom mal-Arċisqof f’Malta – almenu dawk is-Superjuri Maġġuri li għandhom komunitajiet fid-Djoċesi – imma ma nħossx li kien hemm rieda qawwija biżżejjed, għax fuq medda ta’ diversi snin ma ltqajniex aktar minn darbtejn.”

Skont Mons. Grech, il-parteċipazzjoni tal-lajċi hija qawwija kemm fuq livell parrokkjali u kemm fuq livell djoċesan. Fakkar li ħatar Vigarju Episkopali għal-Lajċi.

“Wieħed mid-dispjaċiri tiegħi hu li flimkien mas-Segretarju Pastorali ta’ qabel għamilna diversi tentattivi biex ikollna l-Kunsill Pastorali Djoċesan, imma kull esperjenza li għamilna kienet short lived. Waħda mir-raġunijiet kienet li l-lajċi tagħna huma nieqsa minn formazzjoni ekkleżjali adegwata u għalhekk is-sehem tagħhom ikun limitat. Din il-formazzjoni hija meħtieġa biex isseħħ it-transizzjoni li semmejt aktar ’il fuq.”

“F’dik li hija l-formazzjoni tal-lajċi, minbarra l-għaqdiet tal-appostolat bħalma hija l-Azzjoni Kattolika, il-Leġjun ta’ Marija, il-Mixja Neo-Katekumenali u l-Kariżmatiċi, fil-parroċċi twaqqfu l-‘komunitajiet Ewkaristiċi’ u gruppi ta’ lectio divina. Minn sena ilu, grupp ta’ saċerdoti żgħażagħ qed joffru l-formazzjoni magħrufa bħala I Dieci Comandamenti liż-żgħażagħ. Il-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ (KDŻG), li reġgħet twaqqfet din is-sena, torganizza laqgħat formattivi għaż-żgħażagħ.”

Mons. Grech qal li l-katekeżi tat-tfal hija organizzata “sewwa ħafna”.

L-Amminstratur Appostoliku qal li tkompliet ir-rifroma fil-liturġija. Hemm liturġija mġedda tal-funerali u taż-żwieġ.

Mons. Grech spjega wkoll li kellu pjan li jibni knisja ġdida f’Marsalforn. Qal ukoll li saru diversi proġetti ta’ restawr bl-għajnuna ta’ fondi mill-UE, mill-Gvern, u mill-komunitajiet parrokkjali.

Tkellem ukoll dwar l-iskejjel tal-Knisja.

“Introduċejna l-kunċett ta’ ‘skola-knisja’. Ħdimna fuq proġett li l-iskejjel tal-Knisja flimkien jiffurmaw ‘kulleġġ’ wieħed biex ikun hemm kontinwità bejn id-diversi gradi tal-iskejjel. Ksibna liċenzja għall-Iskola Sekondarja tal-Konservatorju biex tkun b’direzzjoni awtonoma minn dik Primarja. Waqqafna l-Kunsill tal-Kapijiet tal-Iskejjel tal-Knisja kif ukoll il-Kunsill tall-Assistenti Kapijiet tal-Iskejjel tal-Knisja. Dawn iż-żewġ Kunsilli jiltaqgħu regolarment kull xahar.”

“F’Għawdex hawn preżenza mdaqqsa ta’ Nsara mhux Kattoliċi. Din is-sena tajt permess lill-Ortodossi Serbi biex kull ħmistax jiċċelebraw il-liturġija fil-Kappella tas-Seminarju. Din is-sena wkoll waqqaft il-Kummissjoni Ekumenika bis-sehem ta’ membri mhux Kattoliċi biex jikkordinaw l-atttività ekumenika fid-Djoċesi.”

“Biex ngħinu lill-istudenti Għawdxin li qed jistudjaw Malta, sentejn ilu, f’kollaborazzjoni mal-Patrijiet Agostinjani u s-Sorijiet ta’ St Joseph, inawgurajna żewġ hostels għalihom. Peress li jirriżulta li f’Għawdex it-tfal għandhom problemi serji tas-snien, dħalna fi ftehim mal-Fakultà tad-Dentistrija fl-Università ta’ Malta biex flimkien noffru servizz soċjali f’dan il-qasam.”

Qal ukoll li qed jiġu istruwiti żewġ proċessi ta’ kanonizzazzjoni: dak tal-Qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard u dak tal-Qaddej ta’ Alla Fra Grazzja Gauci osa. Quddiem il-Kongregazzjoni tal-Qaddisin hemm il-kawża tal-Venerabbli Madre Margerita De Brincat, fundatriċi tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù.

“Is-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu huwa l-ġojjell tad-Djoċesi. Huma bla għadd il-pellegrini, lokali u barranin, li jfittxu l-faraġ f’dan is-santwarju. Huma diversi s-saċerdoti addetti għal din il-Bażilika, partikularment il-konfessuri. Bħalissa għaddej xogħol fuq il-bini ta’ ċentru għall-pellegrini. Xtaqt ħafna li jkun hemm opra ta’ karità marbuta ma’ dan is-Santwarju. Marbuta ma’ dan is-Santwarju hemm l-istorja taċ-ċentru Marjan f’Bacchus Marsh, Melbourne, l-Awstralja li huwa mmexxi minn Mons. Beneditt Camilleri, eks Rettur tas-Santwarju Ta’ Pinu. Dwar dan iċ-ċentru hemm diversi issues pendenti li ppruvajt nissetilja, imma ma sibtx il-koperazzjoni meħtieġa. Kollox huwa ddokumentat.”

Mons. Mario Grech żvela wkoll li l-aħħar saċerdot li talbu biex imur il-missjoni kien saċerdot novell, Dun Mario Curmi, li qiegħed il-Gwatemala.

Fil-fehma tiegħi tliet esperjenzi qawwija li għexna bħala Knisja f’Għawdex f’dawn l-aħħar erbatax-il sena kienu:

  • il-Missjoni Djoċesana mifruxa fuq ħmistax u li fiha ħadu sehem madwar 500 ruħ
  • il-Viżta Pastorali mifruxa fuq tliet snin
  • is-Sena Marjana

“Fil-bidu tal-episkopat tiegħi sibt li l-amministrazzjoni kienet f’qagħda diffiċli. Fl-ewwel jiem sibt li d-Djoċesi kienet qed tbigħ l-assi tagħha biex tagħmel tajjeb għall-fluwidità monetarja biex tħallaq mal-ispejjeż kurrenti. Wasalna fil-ħin biex insalvaw wieħed mill-assi tad-Djoċesi li llum jiswew id-deheb, li hi l-binja li d-Djoċesi tagħna għandha fil-Menqgħa ta’ Marsalforn. Minn dakinhar daħħalt il-policy li d-Djoċesi ma taljenax beni immobbli imma tipprova takkwista oħrajn biex tkun tista’ tivversifika l-investimenti tagħha. Meta nħares lura, din kienet deċiżjoni f’waqtha,” qal Mons. Grech.

“Għandna relazzjoni tajba ħafna mal-Arċidjocesi ta’ Malta u fi ħdan il-Konferenza Episkopali hemm spirtu ta’ kollaborazzjoni fraterna sabiħa. Matul l-episkopat tiegħi l-Arċisqof Cremona kien offrieli l-possibbiltà li nagħmel terminu bħala President tal-Konferenza. Fid-dawl ta’ dik l-esperjenza, nirrakkomanda li fil-ġejjieni dan l-uffiċċju jkun alternat bejn iż-żewġ isqfijiet djoċesani.”

“Dawn huma ftit mill-ħidmiet li bl-għajnuna ta’ Alla u ta’ għadd kbir ta’ persuni wettaqna matul dan il-mandat episkopali tiegħi f’din id-Djoċesi. Kif is-soltu jgħid il-Papa, l-importanti huwa li wieħed iqabbad proċess: f’dawn l-erbatax-il sena qabbadna diversi proċessi u għandi tama li f’din il-Knisja, li jien tant inħobb, hawn potenzjal li taħt il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu dan il-proċess jibqa’ għaddej,” temm jgħid Mons. Grech.