​Malta fuq quddiem fl-edukazzjoni inklussiva tal-persuni LGBTQI skont l-IGLYO

Rapport maħruġ mill-IGLYO, għaqda internazzjonali ta’ żgħażagħ LGBTQI poġġa lil Malta fl-ewwel post fil-klassifika tiegħu wara stħarriġ dwar l-edukazzjoni inklussiva għall-persuni LGBTQI.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Ugwaljanza qal li jilqa’ din l-ewwel edizzjoni tar-rapport li stħarreġ dwar id-deskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru. Juri li Malta qiegħda fuq quddiem tal-klassifika, inkluż fejn jidħlu sitwazzjonijiet ta’ bullying fl-iskejjel. Malta kisbet il-massimu tal-marki possibli f’disgħa minn 10 indikatur.
Ir-rapport jgħid li r-raġuni għalfejn inkiseb il-100% fejn tidħol il-liġi ta’ kontra d-diskriminazzjoni b’rabta mal-edukazzjoni huwa għaliex sar tibdil fil-kostituzzjoni ta’ Malta fl-2016 u fil-Liġi tal-Edukazzjoni fl-2017.
Madanakollu, r-rapport juri li Malta ma kisbet l-ebda punt fit-taqsima tal-istħarriġ dwar il-bullying u l-fastidji.
Il-Ministru għall-Ugwaljanza Helena Dalli qalet li għad jasal żmien li fih l-aġenda tal-Gvern Malti fejn tidħol l-ugwaljanza u d-drittijiet umani jkollha rikonoxximent internazzjonali.