Malta fuq ‘blacklist’ minħabba l-bejgħ tal-passaporti – OECD

Malta tinsab fost 21 pajjiż, li skont The Guardian jinsabu fuq ‘blacklist’ għax joffru xi tip ta’ skema ta’ bejgħ tal-passaporti, għax skont l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u Żvilupp Ekonomiku (OECD) dawn l-iskemi jimminaw sforzi internazzjonali biex tiġi miġġielda l-evażjoni tat-taxxa.

F’din il-lista hemm 3 pajjiżi Ewropej – Malta, Monaco, u Ċipru. Skont l-OECD, filwaqt li skemi ta’ ċittadinanza b’investiment joffru l-opportunità lil dak li jkun biex jakkwista ċittadinanza permezz ta’ investiment lokali jew pagamenti leġittimi, l-iskemi jistgħu jintużaw ukoll biex individwi jaħbu l-assi tagħhom.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Věra Jourová qalet li l-Kummissjoni Ewropea se tipproponi regoli ġodda għall-iskemi ta’ bejgħ taċ-ċittadinanza.

F’intervista esklussiva ma’ Newsbook.com.mt, il-Kummissarju Jourová tat x’tifhem li l-Kummissjoni se timponi ‘mod ġdid’ fuq lill-Membri Stati biex permezz ta’ rakkomandazzjoni ġdida, dawn jutilizzaw riżorsi Ewropej fi proċess aktar iebes ta’ due diligence, fejn hawnhekk tintuża l-intelliġenza li l-Unjoni Ewropea jkollha fuq l-applikanti.

Żewġ organizzazzjonijiet li huma kontra l-korruzzjoni qalu li l-bibien tal-Ewropa huma miftuħin beraħ għall-korrotti u l-kriminali, permezz tal-iskemi tal-Viża tad-Deheb. Għalhekk, huma ħarġu lista ta’ suġġerimenti lill-UE għall-immaniġġjar ta’ dawn l-iskemi fil-pajjiżi membri, fosthom li jittieħdu passi legali kontra pajjiżi li fihom dawn l-iskemi jippermettu l-korruzzjoni.