Malta f’riskju remot jekk l-Etna jiġġarraf u joħloq tsunami – sismologu

Miguela Xuereb

Minkejja li xi tibdiliet fl-istat ta’ vulkan jaf jaħsdu lin-nies, qabel ma wieħed jaqbeż għall-konklużjonijiet, irid jikkunsidra l-qies tat-topografija konċernata, skont is-sismologu Matthew Agius. Għalkemm Malta qiegħda f’riskju żgħir minħabba l-mewġa kbira li tinħoloq li kieku l-Etna jċedi fil-baħar, Agius enfasizza li din tkun xi ħaġa tassew rarissima.

Wara l-aħbar li l-għoljiet tal-Lvant u l-Punent tal-Vulkan Etna iċċaqalqu 30 ċentimetru rispettivament, Newsbook.com.mt ikkuntattja lil Matthew Agius mid-Dipartiment tax-Xjenzi Ġeografiċi fl-Università ta’ Malta biex jifhem aħjar xi jfissru dawn it-tibdiliet.

Is-sismologu spjega li l-uniku ċans li hemm li Malta tkun f’riskju minħabba l-Etna huwa fil-każ “rari” li parti kbira mill-vulkan taqa’ fil-baħar u toħloq xi tip ta’ tsunami. Qal li mewġa bħal din tilħaq in-Nofsinhar tal-Italja, taqsam il-Baħar Jonju u tilħaq il-Greċja, u b’hekk tilħaq lil Malta wkoll.

Minkejja dan, Agius irrepeta li minkejja li kieku dan ikollu impatt kbir fuq il-Mediterran kollu, hemm ftit ċans li dan jiġri fil-futur qarib, u tkun xi ħaġa verament rari.

Mr Matthew Agius

Huwa qal li dawn it-tibdiliet fl-Etna juru kemm avvanzat ix-xjenza, tant li tippermettilna nispezzjonaw il-vulkani u dak li jiġri fihom dak il-ħin stess, f’kuntrast ma’ żmien meta kellna nistennew snin biex ikollna informazzjoni li lanqas biss tkun preċiża.

Dwar iċ-ċaqliq fl-Etna wara t-terremot ta’ 4.8 gradi fis-26 ta’ Diċembru, Agius qal li dan hu proċess naturali għall-vulkani. Huwa spjega li t-topografija tal-vulkan hi ikbar minn Malta.

Agius qal ukoll li ladarba jiżbroffa l-vulkan, il-magma ta’ ġo fih toħroġ mal-ġnub tiegħu sakemm tibred u tibbies, u ssir ġebel, bir-riżultat li l-vulkan jispiċċa niexef u vojt minn ġewwa. Huwa qal li l-vulkan huwa daqslikieku xi ħaġa ħajja, li qed tieħu nifs u xi drabi tespandi u xi drabi tiċkien.

Miguela Xuereb