Malta: Fost l-itwal stennija biex jinqata’ każ tal-Qorti

Malta hu wieħed mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fejn l-iktar idumu biex jinqatgħu l-kawżi ċivili u kummerċjali tal-Qorti.
Dan joħroġ mit-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għall-2017, li saret bl-għan li tassisti lill-awtoritajiet nazzjonali biex itejbu l-effettività tas-sistemi ġudizzjarji tagħhom.
Fost l-affarijiet li joħorġu minn dan l-istudju hemm il-fatt li Malta hu t-tieni l-iktar pajjiż fl-UE fejn persuna trid tistenna biex tinqata' kawża tal-Qorti, minn fost dawk l-istati membri li pprovdew l-istatistika tagħhom għall-2015.
Fl-2015, kawża f'Malta kienet tieħu medja ta' 450 jum f'Malta. Minkejja dan, is-sitwazzjoni hi ferm aħjar minn kif kienet fl-2010, fejn kawża kienet tieħu mat-850 jum biex tinqata'. Minn dakinhar 'l hawn, sar żvilupp f'kull sena. Iżda, meta wieħed jikkompara ma' pajjiżi oħra, jara li għad hemm xogħol li jrid isir.
L-uniku pajjiż fejn kawża ddum iktar żmien biex tinqata' hu l-Italja, fejn wieħed irid jistenna ftit iktar minn 500 ġurnata.
Fost is-sejbiet ewlenin ta' din l-edizzjoni tat-Tabella ta' Valutazzjoni hemm ukoll analiżi tal-infurzar tal-protezzjoni tal-konsumaturi u l-aċċess limitat għall-ġustizzja għal ċittadini fqar fl-istati membri.