Malta fost l-inqas li tonfoq fuq benefiċċji soċjali

Malta għandha fost l-inqas nefqa fuq benefiċċji soċjali meta mqabbla mal-Prodott Gross Domestiku tal-pajjiż.
Fl-2015 Malta nefqet 17.5% tan-nefqa kollha, filwaqt li n-nefqa fl-Unjoni Ewropea fuq protezzjoni soċjali kienet ta’ 29%. Dan joħroġ minn statistika tal-Eurostat li ġiet ippubblikata aktar kmieni illum.
Dan is-sehem mill-infieq kollu tal-pajjiż imur fuq benefiċċji għall-familji u t-tfal, il-qgħad, mard u saħħa, pensjonijiet, l-akkomodazzjoni u l-esklużżjoni soċjali.
F’Malta, aktar minn nofs din in-nefqa tmur fuq pensjonijiet filwaqt li aktar minn terz tmur fuq nefqa relatata ma’ mard u s-saħħa.
L-istatistika kkonfermat ukoll li s-sehem fuq in-nefqa għal dawn il-benefiċċji naqas bi 2% meta mqabbel mas-sena 2010.
Il-pajjiżi li jonfqu l-anqas fuq benefiċċji soċjali kienu l-pajjiżi Baltiċi filwaqt li dawk l-aktar li joffru benefiċċji soċjali kienu jinkludu lil Franza, l-Belġju u l-pajjiżi Skandinavi.