Malta: Fost l-iktar pajjiżi fl-Ewropa fejn isiru żwiġijiet … u bl-inqas każi ta’ divorzju

Matul dawn l-aħħar għoxrin sena, f’ħafna mis-27 pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea kien hemm tnaqqis fin-numru ta’ żwiġijiet.

Fl-2011, Ċipru kien l-iktar pajjiż fejn saru żwiġijiet, 7.3% għal kull elf persuna. Wara hemm il-Litwanja b’6.3% u Malta b’6.1%.

Il-Bulgarija hu l-inqas pajjiż fejn saru żwiġijiet fl-2011 b’2.9%. Isegwu hemm l-Islovenja bi 3.2%, il-Lussemburgu bi 3.3%, Spanja, l-Italja u l-Portugall bi 3.4%.
Skont il-Eurobarometer l-istruttura tal-familija qed tinbidel u dan minħabba li qed ikun hemm inqas żwiġijiet u iktar każi ta’ divorzju.

Mill-istati kollha membri tal-Unjoni Ewropea, Malta hu l-uniku stat bl-inqas każi ta’ divorzju. Sal-2011, 0.1% għal kull elf persuna kienet iddivorzjata. Ta’ min ifakkar li l-Liġi tad-divorzju f’Malta daħlet fl-aħħar xhur tal-2011. Wara Malta hemm l-Irlanda b’0.7% u l-Italja 0.9%.

Il-Latvija u l-Litwanja huma l-iktar pajjiżi Ewropej bl-ikbar rata ta’ divorzju.

Madwar il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea qed jiżdied ukoll l-ammont ta’ tfal li jitwieldu barra ż-żwieġ. 22.7% tat-tfal li twieldu Malta fl-2011 huma barra ż-żwieġ. Fis-sena 2000 dawn kienu 10% filwaqt li fl-1990 kienu 1.8%.

Fl-Estonja, 60% tat-trabi twieldu barra ż-żwieġ. L-inqas rata ta’ tfal mwielda barra ż-żwieġ tinsab fil-Greċja b’7%.

Fl-1 ta’ Jannar 2012, il-popolazzjoni tas-27 pajjiż membru fl-UE ammontat għal 503,7 miljun ruħ. Bejn l-1992 u l-2012, il-persuni li għandhom iktar minn 65 sena żdiedu minn 14% għal 18%.