Malta fost l-iktar pajjiżi b’rati baxxi ta’ edukazzjoni vokazzjonali

Minn rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-edukazzjoni f’Malta rriżulta li l-Ministeru tal-Edukazzjoni għandu jkompli jsaħħaħ l-edukazzjoni vokazzjonali.
Fi stqarrija, il-Ministeru tal-Edukazzjoni qal li fir-rapport Education and Training Monitor 2014, il-Kummissjoni Ewropea elenkat li Malta huwa fost il-pajjiżi bl-iktar rati baxxi ta’ edukazzjoni vokazzjonali fl-Unjoni Ewropea.
Il-Ministeru jisħaq li hu għalhekk li fost il-prijoritajiet minn Marzu 2013 ‘l hawn, kienet l-edukazzjoni vokazzjonali, li tibda mil-livell sekondarju.
Fost dawn hemm l-iskema nazzjonali tal-apprendistat u l-introduzzjoni tat-tagħlim fuq l-post tax-xogħol mill-MCAST.
Ir-rapport jelenka numru ta’ fatturi pożittivi favur Malta fosthom li r-rata ta’ żgħażagħ mhux fix-xogħol jew li mhux qegħdin fl-edukazzjoni jew fit-taħriġ hija ferm inqas mill-medja Ewropea. Barra minn hekk, ir-rata ta’ gradwati li jidħlu fid-dinja tax-xogħol hija fost l-ogħla fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Malta hija wkoll identifikata mir-rapport, li l-gradwati qed isibu xogħol ekwivalenti għall-kwalifiċi li għandhom.
Il-Ministeru tal-Edukazzjoni qal li r-rapport isemmi ż-żieda sostanzjali fl-investiment fl-edukazzjoni, speċjalment fl-isfond tat-tnaqqis ta’ pajjiżi oħra.
Jgħid ukoll li l-persentaġġ ta’ investiment fl-edukazzjoni mal-Prodott Gross Domestiku ta’ Malta għal din is-sena, hu għoli, meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra.
Ir-rapport isemmi:

  • Numru ta’ strateġiji u miżuri li l-Ministeru ħejja biex jintlaħqu l-miri dwar il-ħiliet bażiċi, early school leaving u taħriġ vokazzjonali.
  • Il-publikazzjoni tal-Istrateġija tal-Litteriżmu 2014-2019
  • L-introduzzjoni tal-proġett pilota tat-tablets u
  • L-investiment fil-ħiliet tal-ITC

Ir-rapport jista’ jitniżżel minn www.education.gov.mt
Ritratt: DOI – Pierre Sammut