Malta fost l-iktar li żiedu l-proporzjon ta’ taxxi fl-2014 imma taħt il-medja tal-UE

Malta hi t-tielet l-iktar pajjiż fl-UE li bejn l-2013 u l-2014 żiedet ir-rata ta’ taxxi u kontribuzzjonijiet soċjali li l-poplu jħallas fil-pajjiż meta mqabbla mal-ġid li jinħoloq fl-istess pajjiż.
Il-Eurostat ħarġet iċ-ċifri għal dik li tissejjaħ Tax-to-GDP ratio li turi li bejn l-2014 u l-2013 Malta żiedet din il-proporzjon minn 33.6% għal 35%, wara Ċipru (li minn 31.6% tela’ għal 34.2%) u d-Danimarka (li minn 48.1% issa tela’ għal 50.8%).
Imma minkejja ż-żieda f’dak li jitħallas f’Malta, il-pajjiż baqa’ taħt il-medja tal-UE jew taż-żona ewro f’dak li hu l-proporzjon ta’ taxxi, li qabeż l-40%.
Fl-2014, ftit iktar minn 14% ta’ dak li jipproduċi l-pajjiż tħallas fil-forma ta’ taxxa fuq id-dħul u l-ġid, ftit inqas minn 14% bħala taxxa ta’ importazzjoni u taħt is-7% bħala kontribuzzjonijiet soċjali.
Iċ-ċifri tal-Eurostat juru wkoll li fuq disa’ snin, bejn l-2005 u l-2014, il-perċentwal ta’ taxxi u kontribuzzjonijiet soċjali li jitħallsu f’Malta, imqabbla mal-Prodott Gross Domestiku, żdied bi 2%.
Fl-istess żmien, il-medja għall-pajjiżi bil-munita ewro żdiedet bi 2.1% waqt li dik għall-UE żdiedet b’1%.