Malta fost l-ewwel pajjiżi li daħħlu direttiva dwar ħlasijiet tard

Malta hija fost l-ewwel pajjiżi li daħlet direttiva dwar ħlasijiet tard.

Din id-direttiva hija dwar relazzjonijiet bejn in-negozji kif ukoll bejn in-negozji u l-gvern, u hija mmirata biex tgħin lin-negozji jkollhom aktar likwidità.

Fil-jiem li għaddew ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta flimkien mal-Malta Association of Credit Management (MACM) organizzat seminar informattiv dwar id-direttiva li tikkonċerna ħlasijiet tard.

Fost oħrajn ingħad li l-ħlasijiet tard jafu jkunu ostaklu ewlieni għall-moviment ħieles tal-prodotti u s-servizzi fis-suq uniku u jafu jħarbtu ħafna l-kompetizzjoni.

Id-direttiva tgħid li awtoritajiet pubbliċi jridu jħallsu ta’ oġġetti li jakkwistaw jew servizzi li jingħataw fi żmien 30 jum. Intrapriżi se jkunu awtomatikament intitolati li jitolbu ħlas għall-pagamenti li jkunu saru lilhom tard.

Il-President tal-MACM Dr Louis Bianchi ġibed l-attenzjoni lejn il-fatt li madwar l-Ewropa kollha, inkluża Malta, l-awtoritajiet pubbliċi mhux qed ikunu ta’ eżempju, u spiss iħallsu iktar tard mill-konsumaturi tan-negozju.

Huwa fakkar li f’dan l-ambjent, l-intrapriżi żgħar u medji huma l-iktar vulnerabbli u għalhekk hemm il-ħtieġa li l-implimentazzjoni tad-drittijiet il-ġodda konferiti mil-liġi tal-UE, issir kif suppost.

Saret ukoll enfasi dwar id-differenzi kulturali fiż-żmien li jieħdu l-ħlasijiet fl-Ewropa, biż-żewġ estermi jvarjaw bejn 25 jum u 180 jum.

Malta kienet wieħed mill-ewwel pajjiżi, flimkien ma’ Ċipru, l-Italja, l-Irlanda u l-Olanda, li s-sena li għaddiet adotta d-direttiva l-ġdida.