Malta fost l-aqwa 14-il destinazzjoni tal-British Airways

Il-linja tal-ajru British Airways innominat lil Malta fost l-aqwa 14-il destinazzjoni għal din is-sena flimkien ma' destinazzjonijiet bħal Rio de Janeiro, Santorini u Las Vegas. 
Ilbieraħ, British Airways irritornat lura Malta wara nuqqas ta’ ħames snin, filwaqt li bdiet topera wkoll titjiriet fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, il-linja tal-ajru FlyNiki minn u lejn Vjenna.
Il-Ministru Karmenu Vella ddeskriva t-titjira ta’ kuljum minn u lejn Gatwick f’Londra li l-British Airways bdiet topera bħala vot qawwi ta’ fiduċja fil-gżejjer Maltin.
British Airways hija waħda mill-iktar linji tal-ajru rikonoxxuti fid-dinja u sinonimu mar-Renju Unit, l-akbar suq tat-turiżmu f’Malta.
Gatwick hija l-aktar rotta popolari ta’ Malta, b’4.1% tkabbir fit-traffiku kien irreġistrat is-sena li għaddiet.

Ritratt – Rene Rossignaud – MIA