Malta fost 9 pajjiżi b’dikjarazzjoni lill-KE biex titnaqqas l-inċertezza dwar l-ivvjaġġar

Malta hija fost disa’ pajjiżi Stati Membri Ewropej li ressqu dikjarazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea sabiex ikun hekk aktar koordinament bejn l-istati membri biex titnaqqas l-inċertezza relatata mal-ivvjaġġar. Dan bil-għan li jerġa’ jitqajjem it-turiżmu fl-Unjoni Ewropea.

Fi stqarrija l-Ministeru għat-Turiżmu qal li din id-dikjarazzjoni saret sabiex filwaqt li tkun issalvagwardjata s-saħħa pubblika, ma jittieħdux miżuri li jistgħu jxekklu l-ivvjaġġar fl-Unjoni Ewropea u ż-żona Schengen. Il-pajjiżi li ffirmaw din id-dikjarazzjoni huma Malta, l-Awstrija, l-Kroazja, Franza, il-Greċja, l-Italja, il-Portugall, ir-Rumanija u Spanja.

Waqt laqgħa virtwali inter-ministerjali bejn il-ministri Ewropej responsabbli mit-turiżmu, organizzata mill-Presidenza Ġermaniża, il-Ministru Julia Farrugia Portelli saħqet dwar il-bżonn li jibdew id-diskussjonijiet biex tiġi emendata il-‘Package Travel Directive’, biex tindirizza l-isfidi li qed jiffaċċjaw kemm l-operaturi tal-ivvjaġġar u kemm il-konsumaturi fiċ-ċirkostanzi li nħolqu mill-pandemija COVID-19 u li qatt ma kienu previsti meta nkitbet din id-direttiva. 

Il-Ministru Farrugia Portelli tkellmet ukoll dwar l-importanza li t-turiżmu jkun prijorità fil-pjanijiet ta’ rkupru tal-Kummissjoni Ewropea. Qalet li dan jista’ jsir bl-introduzzjoni ta’ pjan Ewropew għat-turiżmu li jelenka b’mod ċar l-objettivi u jinkludi baġit speċifiku ddedikat lejn din l-industrija. Il-Ministru saħqet ukoll dwar l-importanza li jkun hemm estensjoni tal-flessibiltà fir-regoli tal-istate aid tul l-perjodu ta’ rkupru.