Malta fost 27 nazzjon li ffurmaw Alleanza biex tipproteġi l-Libertà Reliġjuża

Persuni li ħelsu minn persekuzzjoni reliġjuża jieħdu sehem fil-Konferenza Ministerjali favur il-Libertà Reliġjuża, sponsorjata mid-Dipartiment tal-Istat Amerikan

Fil-5 ta’ dan ix-xahar, 27 pajjiż ingħaqdu mal-Istati Uniti u ffurmaw Alleanza biex tiddefendi l-Liberta’ Reliġjuża madwar id-dinja.  Din hi l-ewwel alleanza ta’ din ix-xorta.

Il-pajjiżi msieħba huma l-Albania, l-Awstrija, Bosnia u Herzegovine, il-Brażil, il-Bulgarija, Colombia, Kroazja, ir-Republika Ċeka, l-Estonja, Gambia, Georgia, il-Greċja, l-Ungerija, Iżrael, il-Kosovo, il-Latvia, il-Litwanja, Malta, l-Olanda, il-Polonja, is-Senegal, is-Slovakkja, is-Slovenja, Togo, l-Ukrajna u r-Renju Unit, flimkien mal-Istati Uniti

Dawn in-nazzjonijiet, flimkien wiegħdu li josservaw id-Dikjarazzjoni ta’ Prinċipji u jsaħħu l-impenn kollettiv biex joġġezzjonaw u jopponu, kemm pubblikament kif ukoll privatament, kull abbuż jew vjolazzjoni tal-libertà reliġjuża.

It-twaqqif ta’ din l-Alleanza hu l-ewwel darba fl-istorja li koalizzjoni internazzjonal ingħaqdet fil-livell tal-mexxejja nazzjonali biex tmexxi tmexxi ‘l quddiem madwar id-dinja, l-kwestjoni tal-liberta’ reliġjuża. Għal ħafna snin it-tkasbir tal-liberta’ reliġjuża baqa’ jsir b’impunità.

L-Alleanza se tgħaqqad numru ta’ pajjiżi, uħud b’saħħithom, biex jużaw ir-riżorsi tagħhom biex iwaqqfu lil min jabbuża u jaħdmu favur dawk persegwitati u vulnerabbli. It-tħeddida għal-libertà reliġjuża hi waħda globali u għalhekk tinħtieġ parteċipazzjoni u soluzzjonijiet globali.

L-Alleanza hi bbażata fuq id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet Umani u se taħdem biex ikun rispettat id-dritt ta’ kull raġel u mara li jemmnu dak li jridu, li jibdlu t-twemmin tagħhom jew ma jkollhom ebda twemmin, skont kif tgħidilhom il-kuxjenza tagħhom.

Prinċipji ta’ azzjoni

Il-prinċipju internazzjonali tal-libertà reliġjuża jew twemmin, li l-Alleanza bażata fuqu, hu msejjes fuq id-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet Fundamentali tan-NU, il-Covenant Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Poliriċi, id-Dikjarzzjoni tan-NU tql-1981 dwar l-Eliminazzjoni ta’ kull forma ta’ Intolleranza u Diskriminazzjoni bażata fuq Reliġjon jew twemmin u Dokumenti oħra bħalma huma l-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea fuq il-Libertà Reliġjuża u Linji Gwida simili tal-OSCE.

Għalhekk, l-azzjoni favur il-libertà reliġjuża hi bażata fuq il-prinċipju li d-drittijiet umani huma universali, inter-dipendenti u relatati flimkien. L-azzjonijiet tal-Allenza huma maħsuba biex jikkumplimentaw il-qafas eżistenti tan-NU favur il-libertà reliġjuża u organiżazzjonijiet internazzjonali oħra.

Miżuri reattivi

  1. Membri tal-Alleanza mpenjaw ruħhom li jikkundannaw vjolenza jew inċitament għall-vjolenza kontra persuni, li tkun bażata fuq twemmin reliġjuż jew postijiet reliġjużi kemm minn stati kif ukoll minn oħrajn u titlob li min iwettaq din il-vjolenza jinżamm responsabbli ta’ dan.
  2. Membri tal-Alleanza huma mpenjati li jisfidaw vjolazzjonijiet u abbużi persistenti tad-dritt li wieħed jimmanifesta t-twemmin tiegħu, inkluż abbużi msemmija fid-Dikjarazzjoni tan-NU tal-1981, l-użu tal-liġijiet tad-dagħa u ċaħda mir-reġistrazzjoni ta’ gruppi reliġjużi.
  3. Il-membri huma wkoll kommessi li jopponu restrizzjonijiet fuq il-libertà li wieħed jibdel ir-reliġjon jew twemmin tiegħu jew li ma jkollu ebda twemmin u juru solidarjetà ma’ pesuna jew persuni li jisfaw vittimizzati inħabba dawn ir-restrizzjonijiet.
  4. Membri tal-Alleanza huma mpenjati li jaħdmu għan-nom ta’ individwi li jisfaw il-ħabs jew b’xi mod ikunu persegwitati minħabba r-reliġjon jew it-twemmin tagħhom u li jesiġu li min iwettaq dan il-ksur jieħu dak li ħaqqu.
  5. Fl-aħħarnett il-pajjiżi membri tal-Alleanza m’għandhomx jippermettu diskriminazzjoni fejn jidħlu l-aċċess għall-ġustizzja, l-edukazzjoni, housing, jew impjieg fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin u jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex din id-diskriminazzjoni tkun indirizzata.

Miżuri proattivi

a. Il-membri tal-Alleanza huma mpenjati li jippromwovu r-rispett għad-diversità, tolleranza u inklużjoni skont il-Proċess ta’ Istanbul.            

b. Membri tal-Alleanza mpenjati li jappoġġjaw il-protezzjoni minn vjolenza għas-siti reliġjużi jew ta’ twemmin.        

c. Il-membri huma wkoll marbuta  li jgħinu lis-soċjetà ċivili, inkluż komunitajiet reliġjużi u mexxejja reliġjużi u jippromwovu ‘networking’ multi-dixxiplinari u multi-nazzjonali ta’ dawn il-gruppi jew individwi.            .

d. Huma mpenjati wkoll li jipprovdu letteratura dwar il-libertà reliġjuża u dawk li jaħdmu favur id-drittijiet tal-bniedem.

e. Fl-aħħarnett il-membri tal-Alleanza għandhom jaħdmu favur il-libertà reliġjuża jew ta’ twemmin flimkien ma’ drittijiet umani oħra bħalma hi l-libertà tal-espressjoni.