Malta u 15-il pajjiż ieħor jiddikjaraw li se jaħdmu flimkien biex jindirizzaw il-migrazzjoni

Malta u seba’ pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea ngħaqdu ma’ tmien pajjiżi Afrikani f’dikjarazzjoni konġunta li tistabilixxi għadd ta’ azzjonijiet li lesti jieħu flimkien biex jindirizzaw l-immaniġġjar tal-flussi tal-migrazzjoni.
Id-dikjarazzjoni għandha wkoll l-għan li ttaffi t-tbatija tal-migranti li jinqabdu fil-pajjiżi tat-tranżitu u biex jingħata sostenn lill-komunitajiet lokali li jilqgħu lill-migranti u lill-awtoritajiet lokali, flimkien mal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (l-IOM) u l-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (il-UNHCR).
Din ġiet approvata lbieraħ f’Ruma fi tmiem ta’ konferenza li laqqgħet flimkien lill-Ministri għall-Affarijiet Barranin u tal-Koperazzjoni għall-Iżvilupp tal-Alġerija, l-Awstrija, iċ-Ċad, l-Eġittu, l-Estonja, l-Etjopja, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Libja, l-Olanda, in-Niger, is-Sudan u t-Tuneżija.
Il-konferenza bit-tema ‘A shared responsibility for a common goal: solidarity and security’, ġiet organizzata u ppreseduta mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin u l-Koperazzjoni Internazzjonali tal-Italja Angelino Alfano u Malta kienet irrapreżentata mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela
Fost affarijiet oħra, il-pajjiżi ddiskutew miżuri biex tkun imsaħħa l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi Ewropej u l-pajjiżi Afrikani tat-tranżitu fuq ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u kontra l-faċilitazzjoni tal-migrazzjoni irregolari u l-isfruttament tal-migranti.
Iddiskutew ukoll l-immaniġġjar aħjar, il-prevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari, it-tisħiħ tal-kontrolli mal-fruntier u d-Dikjarazzjoni ta’ Malta tat-3 ta’ Frar 2017.
Fl-intervent tiegħu, il-Ministru Abela saħaq li ħafna laqgħat għolja, fosthom dik li seħħet fil-Belt Valletta fl-2015, ma jkunu jfissru xejn jekk il-pajjiżi ma jwettqux dak li jkunu qablu fuqu. Appella wkoll biex jaħdmu flimkien biex il-problema tal-migrazzjoni tkun indirizzata mill-għeruq tagħha.
Temm billi fakkar li fl-2016, Malta kienet ir-raba’ l-aktar sat membru tal-UE li kellu applikanti għall-ażil u faħħar lill-Forzi Armati ta’ Malta talli qed jirnexxilhom isalvaw eluf ta’ ħajjiet minn fuq il-baħar.

Ritratt: Il-grupp tal-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet li ħadu sehem fil-Konferenza Ministerjali dwar il-Migrazzjoni f’Ruma.