Malta fil-lista tal-pajjiżi li jistgħu jibqgħu jesportaw lejn ir-Russja

Malta mistennija tkun fil-lista li r-Russja se tagħżel fost il-pajjiżi Ewropej u li se jibqgħu jesportaw l-ikel.
Sorsi qrib Kastilja qalu ma’ Newsbook.com.mt li r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi għandhom jgħinu biex ir-Russja ma teskludix lil Malta minn din il-lista.
Fil-jiem li għaddew, il-Kummissjoni Ewropea aċċettat li r-Russja tagħżel liema pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea se jibqgħu jesportaw l-ikel lejn Moska.
Dan fid-dawl tas-sanzjonijiet li qed jiġu mposti fuq ir-Russja wara l-kriżi fl-Ukraina u l-każ tal-Krimea.
Malta mistennija tkun fost ftit pajjiżi oħra fosthom l-Ungerija u l-pajjiżi tal-eks Unjoni Sovjetika.
Kapijiet ta’ pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea qed iqisu li din il-mossa tar-Russja se tispiċċa tikkastiga l-pajjiżi l-iżjed attivi fis-sanzjonijiet bħal Franza u l-Ġermanja filwaqt li tippremja pajjiżi li huma ħbieb bħall-Ungerija.
Skont ċifri Ewropej, il-bdiewa Ewropej u kumpaniji tal-esportazzjoni tilfu mijiet ta’ miljuni ta’ ewro fi profitti wara li r-Russja wettqet dan l-embargo f’Awwissu li għadda.
Il-Kummissjoni Ewropew u r-Russja qed iqisu li dan il-ftehim jista’ jkun il-qafas biex jerġa’ jikber il-kummerċ bejn iż-żewġ blokki.
Ir-relazzjonijiet bejn Malta u r-Russja jmorru lura bosta snin u f’Malta, ir-Russja għandha ambaxxata fil-Belt Valletta.