Malta fadlilha potenzjal kbir x’tisfrutta – il-Prim Ministru

Malta hi waħda mill-pajjiżi li l-iktar kisbu suċċess fl-Ewropa imma għad fadlilha biex tisfrutta l-potenzjal kollu tagħha.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal dan f’Singapore waqt it-Tmien Konferenza Dinjija dwar ir-Residenza u ċ-Ċittadinanza.
Saħaq li mil-lat ekonomiku, Malta fil-Mediterran tista’ tkun dak li hi Dubaj fil-Golf Għarbi, u dak li hi Singapore fl-Ażja. Spjega li l-programm taċ-ċittadinanza b’investiment hu mezz kif Malta tilħaq dan il-potenzjal.
Waqt li ta rendikont tar-riżultati tajbin li Malta kisbet fil-qasam ekonomiku, inkluż wasliet ta’ turisti, rata ta’ tkabbir ekonomiku, inflazzjoni u t-tnaqqis fid-defiċit, il-Prim Ministru qal li hemm tliet fatturi li jwasslu għal potenzjal ikbar għall-pajjiż – ir-riżorsi umani, il-pożizzjoni ġeografika ta’ Malta u l-flessibilità amministrattiva.
Saħaq li l-programm taċ-ċittadinanza mhux għal min irid ċittadinanza ta’ malajr mingħajr kontrolli imma għal min irid joqgħod għal testijiet riġidi li jħallu biss lill-aħjar kandidati b’reputazzjoni għolja.