Malta Dairy Products se jibqgħu jipprovdu l-ħalib

Donation

 Stqarrija ppubblikata mill-Kumpanija Malta Dairy Products Ltd. (MDP), qalet li l-kumpanija tinsab imħejjija biex tibqa tipprovdi servizz lill-klijenti tagħha. L-MDP, li tifforma parti minn KPH Group Ltd., qalet li tinsab imħassba fuq kull tip ta’ tfixkil li l-kriżi tal-Covid-19 tista’ tkun qed tikkaġuna lill-klijenti:

“Filwaqt li napprezzaw li ħafna mill-prodotti tagħna qegħdin jinbiegħu b’rata mgħaġġla minħabba li d-domanda żdiedet, nixtiequ naċċertaw lill-klijenti tagħna li tul dawn iż-żminijiet diffiċli, l-impjegati ddedikati tagħna qegħdin jaħdmu bla waqfien u b’impenn kbir sabiex niżguraw li din id-domanda għall-prodotti tagħna tintlaħaq. Nixtiequ wkoll nieħdu din l-opportunita` sabiex nirringrazzjaw lill-bosta raħħala tagħna talli ta’ kuljum ifornuna bil-ħalib nej, li jippermettilna nipproduċu varjeta` sħiħa ta’ prodotti friski li wieħed jista’ jaċċessahom faċilment, u li aħna kburin li nippakkjawhom taħt l-isem ‘Benna’.

Sa mill-1938

“Il-ħalib frisk ippasturizzat ilu jitqassam madwar Malta sa mill-1938. Il-Kumpanija MDP tkompli taħdem sabiex tipprovdi lill-klijenti tagħha bi provvista kontinwa ta’ prodotti friski u tajbin għas-saħħa, li huma l-qalba tal-Koperattiva. Tul dawn iż-żminijiet diffiċli, aħna kburin li nappoġġjaw lill-komunita` tagħna u bi pjaċir nagħtu l-prodotti friski tagħna bħala donazzjoni lil dawk il-persuni li qegħdin jiddedikaw il-ħiliet u s-servizzi tagħhom għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor, inkluż il-professjonisti tas-saħħa fid-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard, iċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm, u l-Misteru għas-Saħħa.

Iffaċċjajna diversi kriżijiet u għelibnihom

“Tul dawn is-snin affaċċjajna diversi sitwazzjonijiet ta’ kriżi u f’kull okkażjoni bqajna nikbru grazzi għall-klijenti tagħna u għan-nies tagħna. F’isem in-nies kollha tal-MDP u tal-KPH Group, nixtiequ nirringrazzjawk tal-lealta` kontinwa tiegħek. Aħna ninsabu ppreparati sew sabiex naffaċċjaw dawn iż-żminijiet ta’ sfida li jinsabu quddiemna, u qegħdin naħdmu bis-sħiħ sabiex niżguraw provvista kontinwa tal-prodotti favoriti tiegħek Benna u naċċertaw li jibqgħu fuq il-mejda tiegħek kuljum.”

Malta Dairy Products Ltd. hija kumpanija sussidjarja ta’ KPH Group Ltd., Koperattiva li tgħaqqad lir-raħħala kollha tal-ħalib u li ilha tipprovdi lill-komunita` ħalib frisk u prodotti oħrajn magħmulin mill-ħalib frisk sa mill-1938.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn