“Malta ċentru ta’ salvataġġ għall-immigranti” – Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li Malta għandha tkun ċentru ta’ salvataġġ għall-immigranti irregolari biex imbagħad l-Ewropa tiddeċiedi liema minnhom għandhom jitqassmu fl-Ewropa, u liema minnhom jintbagħtu lura lejn pajjiżhom.

“Jien m’inix razzist”

Adrian Delia qal dan fil-programm Newsline fuq RTK fejn ippreċiża li mhuwiex razzist meta qal li l-obbligu tal-Gvern huwa li jassigura s-sigurtà fit-toroq Maltin, lil hinn mir-razza, kulur, twemmin jew kredu.

Filwaqt li ammetta li l-Gvern Malti ma tantx għandu kontroll fuq l-immigranti li jitilqu mill-Afrika, il-Kap Nazzjonalista qal li l-Gvern ma jistax iħalli lill-anzjani u liż-żgħażagħ Maltin jibżgħu f’darhom u fit-toroq. Saħaq dwar infurzar tal-liġi u skrutinju aħjar ta’ kull min jidħol fil-pajjiż.

“Il-valur tal-ħajja l-ogħla prijorità”

Delia qal li Malta trid tosserva l-liġijiet internazzjonali fejn jidħlu l-immigranti, fejn qal li l-ogħla valur huwa dak tal-ħajja. Tkellem dwar l-obbligi morali tal-ħajja u qal li dawn għandhom jingħataw prijorità. Fl-istess waqt, qal li l-PN irid jitkellem b’vuċi iktar soda u qawwija dwar din il-kwistjoni fl-Ewropa, kif se jagħmel huwa l-ġimgħa d-dieħla meta se jitkellem f’summit Ewropew.

Sostna li dan l-element ta’ biża fil-Maltin huwa dovut għax il-Gvern Malti huwa l-inqas wieħed li jinvesti fil-Pulizija fl-Ewropa kollha.

“Se jibdew jgħixu 12-il barrani f’kull appartament?”

Adrian Delia staqsa fejn se joqogħdu s-70,000 persuna li l-Gvern irid iġib f’Malta f’4 snin, meta lanqas koppji żgħażagħ Maltin li jaħdmu, ma jistgħu jixtru propjetà jekk jissellfu fuq 50 sena. Staqsa jekk hux f’kull appartament ta’ tliet ikmamar se jibqgħu jiddaħħlu disa’ barranin, jew hux dawn se jsiru tnax.

“Il-PN ma jridx jiffoka fuq fabbriki tal-krakar”

Spjega li l-PN se jaħdem b’mod differenti u mhux se jfittex investiment fil-fabbriki tal-krakar biex jaqla’ ċenteżmu fuq kull żarbun. Qal li jrid jinvesti f’setturi bbażati fuq it-tagħrif fejn l-impjegati jistgħu jaħdmu barra minn Malta u ma jiffullawx lil Malta. Fost l-oħrajn Delia semma t-teknoloġija, il-bioteknika, is-cybercurrencies, l-intelliġenza artifiċjali u l-blockchain.

Il-Kap Nazzjonalista temm jgħid li Malta spiċċat bastiment f’nofs il-Mediterran fejn barranin qed jiġu f’Malta għal medja ta’ 18-il xahar mingħajr ma jonfqu xejn hawnhekk, jaqsmu appartament bejn disa’, u jibgħatu barra minn Malta l-flus li jaqilgħu.

Tista’ ssegwi l-programm sħiħ hawnhekk.