Malta b’ratings pożittivi minn Fitch u Moody’s minkejja l-coronavirus

Read in English.

Kemm Moody’s kif ukoll Fitch Ratings qed ibassru li l-ekonomija ta’ Malta se tibqa’ waħda stabbli u d-daqqa ta’ ħarta tal-coronavirus mhux se taffettwaha b’mod daqshekk negattiv meta kkumparat ma’ pajjiżi ġirien. Dan tħabbar mill-Ministeru għall-Finanzi f’żewġ stqarrijiet separati.

Moody’s b’rating ta’ A2 bi prospetti stabbli

Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Finanzi qal li Moody’s ta’ rating ta’ A2 bi prospetti stabbli lil Malta. Qal li r-raġuni għal dan kien li Malta kellha fuq xiex taqa’ kawża ta’ track record ta’ tkabbir ekonomiku stabbli.

Moody’s osserva li minkejja li s-settur tat-turiżmu huwa wieħed importanti għall-pajjiż, l-ekonomija ta’ Malta hija waħda diversifikata. Issemmew is-settur tal-gaming u tas-servizzi professjonali li kibru fl-importanza tagħhom fl-aħħar snin. Ġie spjegat li dawn is-setturi mhux mistennija jintlaqtu wisq mill-pandemija u b’hekk se jkunu jistgħu jikkumpensaw għas-setturi li ntlaqtu b’mod aktar aħrax.

Moody’s qed ibassar li l-ekonomija ta’ Malta se tonqos bi 3.8% tal-GDP fl-2020, iżda qed ibassar ukoll li fl-2021, il-Prodott Gross Domestiku (GDP) mistenni jerġa’ jikber bi 3.2%. Moody’s faħħar ukoll is-saħħa fiskali tal-gvern Malti.

Rating ta’ A+ mingħand Fitch Ratings

 Fitch Ratings ikkonfermat il-credit rating ta’ Malta għal A+ iżda rrevediet għall-prospetti ta’ Malti bħala “stabbli” minħabba l-impatt tal-COVID-19. Skont Fitch, il-GDP għal din is-sena se jinżel b’5.9%, iżda mbagħad fl-2021 se jerġa’ jikber bi 3.6%.

Skont Fitch l-istatus kurrenti tas-surpluses se jibqa’ jinżamm matul l-2020 minkejja x-xokk estern tal-pandemija tal-coronavirus. Iżda qal ukoll li minħabba l-ispiża pubblika u t-tnaqqis ta’ dħul, id-defeċit mistenni jilħaq it-8.1% għal din is-sena.  

Fitch faħħar lill-Gvern Malti fejn jidħol ir-rispons tiegħu għar-riskji tas-saħħa li ġab miegħu l-virus.

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li Fitch ikkonfermat li Malta se jirnexxielha ssalpa minkejja x-xokk inevitabbli tal-coronavirus fuq l-ekonomija u l-finanzi pubbliċi.