Aġġornata: “Malta b’pass qabel ħaddieħor” – il-Prim Ministru

Aġġornata:
Il-Prim Ministru Joseph Muscat assigura lill-Oppożizzjoni li l-ftehim li għadu kif sar bejn iċ-Ċina u Malta hu l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu. Qal li bil-ftehim li saru qabel “ma sar xejn” iżda b’riżultat ta’ dan il-ftehim “salvajna lill-Enemalta”.
B’riferenza għall-proġetti speċifiċi li ssemmew fil-ftehim, il-Prim Ministru qal li l-proposta ta’ monorail kienet issemiet minn Austin Gatt meta kien Ministru. Sostna li l-pajjiż għandu bżonn akkomodazzjoni soċjali għaliex il-Gvern preċedenti ħalla l-listi jitwalu.
Sostna li l-kritika min-naħa tal-Oppożizzjoni hi każ ta’ “min ma jilħaqx l-għeneb jgħid li hu qares”. Qal li, dwar tenders, il-Gvern se jimxi aħjar minn kif mexa Gvern preċedenti dwar Smart City.
Ikkritika lill-Oppożizzjoni li għandha “mentalità servili” u sostna li Malta m’għandhiex għalfejn tieħu permess mill-UE biex tilħaq ftehim għall-pajjiż. 

Iktar kmieni: 
Il-Prim Ministru Joseph Muscat, fi Stqarrija Ministerjali fil-ftuħ tas-seduta Parlamentari tal-lejla, sostna li Malta tinsab b’pass qabel ħaddieħor hekk kif iddeskriva r-relazzjoni tal-pajjiż maċ-Ċina. Qal li pajjiżi oħra Ewropej, fosthom il-Ġermanja u l-Italja, qed jagħmlu minn kollox biex jiġbdu investiment Ċiniż f’pajjiżhom u Malta dan qed tagħmlu qabilhom.
Joseph Muscat kien qed jirreferi għaż-żjara li huwa għamel fiċ-Ċina fl-aħħar jiem fejn iffirma Memorandum of Understanding bejn Malta u ċ-Ċina li, iddeskriva, hu wieħed li se jiftaħ “bibien ta’ investiment għall-pajjiż” f’diversi oqsma. Fil-Parlament hu ppreżenta kopja tal-ftehim iffirmat.
Qal li ċ-Ċina mhux biss għandha rispett lejn Malta imma tara potenzjal fil-pajjiż. Sostna li dan kien l-ewwel Memorandum of Understanding ta’ din ix-xorta bejn Gvern Ewropew ma’ din li hi t-tieni l-ikbar ekonomija fid-dinja. Spjega li filwaqt li l-interessi Maltin fl-aħħar snin kienu jħarsu lejn is-suq Ewropew, iqis li d-dinja hi ikbar mill-Ewropa. Fl-istess ħin, hu nnota b'soddisfazzjon iċ-ċertifikazzjoni mogħtija fl-aħħar jiem minn Standard & Poor's
Simon Busuttil qal li l-Oppożizzjoni tilqa’ kwalunkwe investiment li jiġi minn barra, inkluż miċ-Ċina.
Staqsa f’dan il-ftehim x’hemm “groundbreaking” u qal li r-riċerka turi ftehim iffirmati f’okkażjonijiet oħra mill-Gvern Malti u ċ-Ċina, fosthom sitt ftehim iffirmati f’okkażjoni waħda – trattat ta’ assistenza reċiproka fil-qasam ġudizzjarju, trattat ta’ koperazzjoni fil-ġlieda trans-nazzjonali, skambji kulturali, promozzjoni tal-investiment, skambji dwar għotjiet, u ftehim dwar it-twaqqif tal-istitut ta’ Konfuċju f’Malta. Qal li l-aħħar darba li l-Gvern Malti ħabbar xi ħaġa “groundbreaking” ħabbar tnaqqis ta’ 2ċ fuq il-prezz tal-petrol wara żied fix-xahar ta’ qabel.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal ukoll li ftehim ekonomiku tista’ tiffirmah biss l-Unjoni Ewropea u staqsa jekk il-Gvern Malti kkonsultax qabel iffirma. Fl-istess ħin, staqsa dwar jekk il-Gvern Malti kkommettiex ruħu biex jagħmel proġetti msemmija b’mod speċifiku fil-ftehim – il-pont bejn Malta u Għawdex, il-breakwater ta’ Marsamxett u servizz ta’ monorail – u jekk iva, kif. Staqsa wkoll jekk il-Gvern Malti skartax il-possibiltà ta’ mina taħt il-baħar bejn Malta u Għawdex ladarba speċifika l-bini ta’ pont.
Qal li l-ftehim kien ikun “groundbreaking” kieku l-Gvern qal li ċ-Ċina ħa tinvesti ammont sostanzjali ta’ miljuni ta’ ewro f’Malta, jew li se jibdew jiġu tant turisti iktar miċ-Ċina f’Malta. 

Ritratt: Jeremy Wonnacott, DOI